Join Us On:

News Archive

KUNĊERT TA’ MUŻIKA JAZZ MILL-ALJIEVI TAL-BANDA

Nhar is-Sibt 28 ta’ April, 2007, ser jittella’ kunċert ieħor mill-aljievi tal-banda tagħna. Din id-darba l-istil ta’ mużika magħżula ser tkun dik Jazz, b’siltiet ferm popolari mis-snin għoxrin u tletin. F’dan il-kunċert ser jieħdu sehem erba’ aljievi li huma Francis J. Borg, Jonathan Brignoli, James Grima u Genise Formosa. Dawn il-mużiċisti żgħażagħ flimkien ma’ numru ferm akbar ta’ aljievi, qed jiġu mħarrġa minn Noel Beck, l-Assistent Surmast ta’ din il-banda, u George Apap, għalliem tal-Mużika.

Il-maġġoranza ta’ siltiet magħżula huma kompożizzjonijiet ta’ George Gerschwin (1898-1938), l-aktar kompożitur popolari f’dan il-ġeneru ta’ mużika. Numru konsiderevoli ta’ siltiet mużikali miktuba minn George Gerschwin (mużika) u minn ħuh Ira (lirika) saru ferm popolari tul is-snin tletin, u għadhom popolari sal-lum. Dawn l-aħwa kisbu l-popolarità tagħhom ġewwa Broadway, fl-Istati Uniti. Fost is-siltiet l-aktar popolari li ser jindaqqu nhar is-Sibt, insibu ‘Summertime’; ‘I Got Rhythm’; ‘Embraceable You’; ‘He Loves and She Loves’; u ‘Swanee’.

Dawn il-mużiċisti żgħażagħ ser idoqqu kemm bħala solisti, akkumpanjati mill-pjanista Dr. Maria Frendo, kif ukoll fi Trios. Il-kunċert ta’ nhar is-Sibt jibda fis-7.30pm, ġewwa l-Aula Mgr. Giuseppe Farrugia (Bażilika San Ġorġ). Kulħadd huwa mistieden.