KUNĊERT SUĊĊESS MILL-BANDA LA STELLA
Festival Mediterranea ġie fi tmiemu nhar is-Sibt 17 ta’ Novembru fit-Teatru Astra fejn sar kunċert kbir mill-Banda La Stella. F’teatru mimli bin-nies, il-bandisti tagħna kienu l-protagonisti tas-serata, liema attività hija meqjusa bħala l-aktar waħda mportanti fil-lista twila ta’ impenji li jgħoddu aktar minn tletin servizz fis-sena. Dan il-kunċert kien taħt id-direzzjoni mużikali tas-Surmast Joseph Vella u ġie ppreżentat minn Mrs Lorna Tabone.
Is-serata mużikali bdiet billi ndaqqet is-soundtrack tal-film Quo Vadis? ta’ M. Rozsa (1907-1995). Warajha kien imiss li tiġi esegwita għall-ewwel darba Mediterranea (Overture) kompożizzjoni ta’ Mario Galea (b. 1960) li nkitbet apposta biex tikkommemora l-għaxar anniversarju ta’ Festival Mediterranea, liema festival huwa stabbilit bħala wieħed ta’ livell għoli fl-oqsma kollha li jkun fih. Aktar tard indaqqet Serenade (from the ballet Les millions d’arlequin) ta’ R. Drigo (1846-1930) fejn is-solista Ino Attard kellu biċċa mportanti bl-Althorn. L-atmosfera kienet waħda sabiħa ħafna bin-nies preżenti jieħdu pjaċir bil-mużika varjata li kienet qed tindaqq. Infatti ma setax inkun mument aħjar biex ħafna minn dawk li kien fis-sala reġgħu semgħu in-noti sbieħ ta’ Giacomo Puccini ta’ Madama Butterfly. F’din il-biċċa daqqew bħala solisti wkoll Robert Buttigieg fuq it-Trumpet u Ino Attard fuq l-Althorn. Waqt l-istess esekuzzjoni ġie imtella slide feature fuq wara tal-palk b’diversi ritratti sbieħ tal-fotografu Joe Attard tal-opra Madama Butterfly li saret anqas minn xahar ilu fit-Teatru Astra fejn iż-żewġ rappreżentazzjonijiet kienu fully booked. Naturalment kif wieħed jistenna din intlaqet b’ċapċip kbir mill-udjenza.
Dritt wara din il-biċċa l-President tas-Soċjetà s-Sur Paul Zammit għamel kelmtejn tal-okkażjoni fejn irringrazzja kemm lill-bandisti u s-surmast, kemm lill-membri l-oħra tas-Soċjetà kif ukoll lil dawk li kienu preżenti għall-kunċert. Fl-istess okkażjoni l-President ħabbar li l-kumitat tas-Soċjetà ħatar lis-Sur Paul M Cassar, ex-segretarju ġenerali, ex-teżorier u ex-President bħala President Onorarju għal ħajtu. Is-Sur Cassar li kien preżenti mas-Sur Zammit fuq il-palk tat-Teatru rringrazzja l-kumitat u qal li qed jaċċetta din il-ħatra bil-qalb għax dan it-Teatru maestuż, il-Każin u l-Parroċċa ta’ San Ġorġ iġibulu ħafna memorji sbieħ ta’ meta hu kien iżgħar fl-età u biex ngħidu hekk kien jgħix prattikament ġo fihom. Dritt wara, is-Sur Zammit f’isem l-istess kumitat, ta tifkira lis-Sur Karistu Galea peress li din is-sena għalaq ħamsin sena bandist fi ħdan il-banda tagħna.
Il-Kunċert kompla billi ndaqqet biċċa sabieħa ferm ta’ J. De Haan (b. 1959) Concerto d’amore u warajha Morning, Noon and Night (Overture) ta’ F. von Suppe (1819-1895). Wara kien imiss is-solista fuq il-klarinett u għalliem tal-aljievi tal-istrumenti tal-injam tal-Banda tagħna, George Apap, fejn daqq biċċa mportanti f’Gypsy Rhapsody ta’ U. Hodorov (b. 1944) flimkien mal-Banda. Il-Kunċert spiċċa bil-kompożizzjoni tas-Surmast Direttur Joseph Vella, Rebbieħa, liema biċċa intlaqet tajjeb ħafna minn dawk preżenti. F’din il-biċċa daqqew bħala solisti wkoll Robert Buttigieg fuq it-Trumpet u Josef Camilleri fuq il-Horn. Imbagħad indaqq l-innu tal-Banda La Stella, l-innu t’Għawdex u kif xieraq l-innu Malti fejn ġab kemm il-kunċert kbir li sar kif ukoll Festival Mediterranea 2012 fi tmiemu fost ċapċip kbir mill-udjenza.
Minn din il-paġna nixtiequ nifirħu lil dawk kollha involuti biex is-serata u l-festival kollu kienu suċċess ieħor memorabbli. Aħna nistednukom biex tibqgħu issegwuna kemm fuq dan is-sit, kemm fuq www.facebook.com/lastella.com.mt kif ukoll fuq is-sit tal-festival www.mediterranea.com.mt.
(Ritratti: Joe Attard)