KUNĊERT MUŻIKALI MILL-AQWA B’MUŻIKA MID-DINJA TAĊ-ĊINEMA
Il-kunċert, li kien ippreżentat mis-Soċjetà Filarmonika La Stella kien immexxi mid-direttur mużikali żagħżugħ George Apap.
Il-moħħ li wassal għal dan il-kunċert kien iż-żagħżugħ George Apap, klarinettist mill-aqwa tal-banda ċittadina La Stella u surmast tal-allievi li l-kapaċitajiet mużikali tiegħu kien diġa’ wriehom kemm f’Malta u barra minn Malta, kemm bħala solist u anki bħala promotur tal-mużika. Il-kapaċità tiegħu sfat magħrufa meta, fuq għażla tas-surmast direttur tal-Banda La Stella l-Prof. Joseph Vella, kien George li mexxa delegazzjoni ta’ mużiċisti Maltin għal konferenza internazzjonali ta’ mużika f’Damasku, is-Sirja.
Il-kunċert tas-Sibt kiseb is-suċċess li kien tabilħaqq jixraqlu. Bħala direttur mużikali George Apap wera l-ħila tiegħu mhux biss fl-organizzazzjoni tas-serata imma wkoll fid-direzzjoni ta’ progamm mużikali oriġinali, diffiċli imma attraenti tant li ħalla sodisfazzjon kbir f’sala mimlija nies lokali u barranin, fosthom – ħadna pjaċir ninnotaw – ħafna żgħażagħ. Kien ferm meritat l-istanding ovation li tat l-udjenza, mal-aħħar noti mużikali tal-kunċert.
Għal dan il-kunċert, minbarra l-mistednin distinti, attendew is-Sur Paul Zammit, President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, id-direttur mużikali tagħha l-Prof. Mro Joseph Vella u d-direttur spiritwali Mons. Ġużeppi Farrugia, arċipriet emeritus.
George Apap beda jitgħallem il-mużika fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika La Stella fl-età żgħira ta’ sitt snin mal-mibki Joseph Bezzina, George Borg u Joseph Debattista. Kompla l-istudji tiegħu fuq l-istrument mas-surmast Noel Beck, u fit-teorija mas-surmast Lawrence Borg, fejn ġab iż-żewġ diplomi mil-London College of Music, ALCM u LLCM. George, kompla bl-istudji tiegħu fil-Mużika ġewwa l-Università ta’ Malta fejn studja fost l-oħrajn mal-Professur Joseph Vella, u gradwa bħala għalliem tal-Mużika fis-sena 2005. Illum huwa għaddej bl-istudji tiegħu fid-direzzjoni mużikali mas-surmast Christopher Muscat. Għal bosta snin ikkollabora f’inizjattivi ta’ kultura u muiżika fost l-oħrajn bis-sehem tiegħu fil-Kor Laudate Pueri u anke f’diversi serati ta’ mużika fil-Victoria International Arts Festival u fil-Festival Mediterranea.
L-istrumenti fil-kumpless mużikali tal-kunċert tas-Sibt kienu fil-parti kbira tagħhom membri żgħażagħ tas-Soċjetà Filarmonika La Stella imsaħħin minn xi bandisti aktar esperti mill-istess banda u xi bandisti mistiedna. Ilkoll ħaqqhom prosit: bandisti u solisti. Fost is-solisti wieħed irid isemmi lil Mario Galea (Klarinett) u lil George Camilleri (Ewfonju) li esegwew b’delikatezza liema bħalha żewġ siltiet mill-isbaħ, Schindler’s List u Gabriel’s Oboe rispettivament. Daqqew ukoll bħala solisti f’diversi siltiet, George Camilleri (Flawt); Michel Refalo (Kurunetta); George Refalo (Kornu) u Patricia Refalo (Sax Alto), li daqqet għall-ewwel darba bħala solista mal-banda.
Il-programm mużikali, stampat b’notamenti utli fi ktejjeb komdu u attraenti, inkluda siltiet tal-kompożituri magħrufa Miklos Rozsa, Alfred Newman, Trevor Jones, John Williams, Alan Menken, Henry Mancini, Hans Zimmer, Elton John u Richard A. Harvey, Nino Rota, James Horner u Ennio Morricone.
Barra minn hekk l-esekuzzjoni ta’ din il-mużika kienet akkompanjata minn preżentazzjoni viżwali tajba projettata fl-isfond tal-palk li mhux biss għenet lill-udjenza tassoċja l-mużika mal-kompożitur tagħha imma wkoll toħloq l-atmosfera tal-“film” jew il-“musical” li għalih is-silta kienet komposta.
Uħud mis-siltiet esegwiti kienu llustrati minn żfin klassiku u modern minn żeffiena ta’ Centre Stage Dance Academy fuq koreografija ta’ Natalie Sciortino. Is-serata kienet ippreżentata mill-preżentatriċi Orietta Gatt, bl-istil tipiku u effettiv tagħha.
Is-serata ħadet madwar sebgħin minuta – sebgħin minuta ta’ mużika divertenti li għamlu minn dik il-lejla tas-Sibt waħda ta’ pjaċir kbir għall-platea u ta’ sodisfazzjon mhux inqas kbir għal kull min kellu sehem fiha.
Mgr Joseph Farrugia
photos: Joe Attard