Join Us On:

News Archive

KUNĊERT GRANDJUŻ MINN AMEDEO MINGHI

Għat-tielet darba f’dawn l-aħħar għaxart ijiem it-Teatru Astra reġa’ kien ippakkjat għal spettaklu ieħor parti mis-seba’ edizzjoni ta’ Fesitival Mediterranea – il-kunċert teatrali ta’ Amedeo Minghi. Kif kien mistenni l-pubbliku attenda bi ħġaru għal dan il-kunċert uniku fl-istil tiegħu mill-kantant popolari Taljan. F’dan il-kunċert teatrali l-kantant żamm kuntatt kontinwu mal-pubbliku u għalhekk il-kunċert kien ferm differenti minn dawk tipiċi li naraw f’venues kbar f’Malta u barra minn pajjiżna. Il-kantant permezz tal-kanzunetti tiegħu għamel vjaġġ flimkien mal-pubbliku preżenti tal-erbgħin sena ta’ karriera mużikali tiegħu – 40 anni di me con voi!

Fil-fatt l-għażla mużikali żewwaqha b’uħud mill-aqwa suċċessi f’dawn l-erbgħin sena tiegħu fil-kamp mużikali. Fost il-kanzunetti li tkantaw li bla dubju huma l-aktar popolari mal-pubbliku tkantaw: Cantare e’ d’Amore; Notte bella, Magnifica; L’immenso; Vivere Vivere; Cammina Cammina; u fuq kollox waħda mill-akbar suċċessi tiegħu: La vita mia. 

F’dan il-kunċert grandjuż ħadu sehem ukoll il-kor tal-bażilika ta’ San Ġorġ: Laudate Pueri li flimkien mal-kantant Ruman kanta l-kanzunetta ddedikata lill-Papa Ġwanni Pawlu II: Un uomo venuto da lontano. Il-kor qala’ applawsi kbar għall-esekuzzjoni ta’ din il-kanzunetta. Amedeo Minghi ukoll wera ruħu entużjast fi tmiem din il-kanzunetta u feraħ lill-membri kollha tal-kor għall-wirja tajba li taw. Il-kantant ħa l-okkażjoni li jkellem ftit lid-direttur tal-kor, Fr George J. Frendo li rringrazzja lil Minghi għal din l-opportunita’ unika li ta lill-kor tiegħu.

Wirja tajba tat ukoll il-kantanta Għawdxija Pamela li flimkien m’ Amedeo Minghi kantat il-kanzunetta mill-aktar popolari Vattene Amore – kanzunetta mill-aktar ċelebri li biha Amedeo Minghi flimkien mal-kantanta Mietta kklassifika fit-tielet post fil-festival ta’ Sanremo fl-1990. B’din il-kanzunetta li kisbet popolarita’ kbira tul is-snin hu rebaħ diversi unuri oħra fl-Italja. 
Intant il-kantanta Pamela flimkien ma’ Paul Giordmaina taw spettaklu mill-isbaħ ta’ madwar għoxrin minuta qabel beda l-kunċert ta’ Minghi.

Wara dan il-kunċert grandjuż – suċċess kbir ieħor għat-teatru Astra – Festival Mediterranea jkompli fil-jiem li ġejjin. Fil-15 ta’ Novembru jkun imiss spettaklu mill-isbaħ ta’ żfin min-Naupaca Dance Factory bit-tema Uniting Diversity. Il-bookings għal dan l-ispettaklu huwa miftuħ. F’dawn il-ġranet bħala parti minn dan il-festival għaddejja wkoll wirja tal-arti xogħol John M. Borg bit-tema Tranquil Moments ġewwa Art.. e Gallery fil-belt Victoria. Fit-22 ta’ Novembru l-kunċert mużikali annwali mill-banda ċittadina u dekana La Stella ġewwa t-Teatru Astra – kunċert li jagħlaq is-seba’ edizzjoni ta’ Festival Mediterranea.

ritratti: Joe Attard ©