Join Us On:

News Archive

KUNĊERT GRANDJUŻ MILL-BANDA FIL-BAŻILIKA

Nhar is-Sibt li għadda 16 t’April, il-banda ċittadina La Stella tat wirja mill-aqwa f’kunċert organizzat fil-bażilika bħala parti mill-impenji marbuta mal-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa – kunċert ta’ mużika sagra b’mużika varjata mill-pinna ta’ kompożituri lokali u xogħlijiet oħra popolari u mill-isbaħ. Il-banda, nistgħu ngħidu li kienet armata sa snienha biex taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur tagħha, il-Prof. Joseph Vella ħareġ l-aqwa tagħha fis-siltiet mużikali magħżula.

Il-banda bdiet dan l-impenn b’marċ minn Triq ir-Repubblika fejn laqgħet l-istatwa l-ġdida ta’ Ġesu’ marbut mal-kolonna xogħol Michael u Adonai Camilleri Cauchi li aktar tard ġiet imbierka mill-Arċipriet Mons. Pawlu Cardona fil-bażilika. Il-kunċert fetaħ b’moviment Andante mill-Pathetique Symphony ta’ Tchaikovsky. Il-banda mbagħad esegwiet erba’ siltiet oħra varjati: Lamentazione per Tromba mill-pinna tas-surmast Vella, bil-protagonista s-solista fuq il-kurunetta, iż-żagħżugħ Robert Buttigieg, li daqq għall-ewwel darba bħala solista mal-banda; u Christus Patiens, kompożizzjoni ta’ Stephen Attard b’dedika lil missieru l-mibki Ġużeppi Attard (ta’ Farina) eks bandist u surmast tal-alljievi tal-banda tagħna. Kien imiss imbagħad aktar protagonisti din id-darba fuq l-Ewfonju, George Camilleri li esegwixxa Song for Euphonium tal-kompożitur Frode Rydland akkumpanjat mill-banda; il-klarinettista Mario Galea li daqq bħala solista s-silta ta’ Thome, Andante Religioso; u Jason Camilleri bil-kurunetta li esegwixxa s-silta popolari Il Silenzio, akkumpanjat mill-banda.

Għall-ewwel darba minn banda Għawdxija f’Għawdex

Il-kunċert nistgħu ngħidu li għalaq bil-kbir bl-esekuzzjoni impekkabbli tal-overture mill-film Ben-Hur ta’ MIklos Rozsa, arranġament mużikali li ndaqq għall-ewwel darba minn banda Għawdxija f’Għawdex – silta mill-aktar impenjattiva li ndaqqet b’mod eċċezzjonali minn kull element fi ħdan il-banda, xhieda tal-impenn u l-ħidma tal-istess bandisti li f’kull programm mużikali jagħtu prestazzjoni mill-aqwa.

Intant matul dan il-programm mużikali, ħa sehem ukoll il-kor Laudate Pueri taħt id-direzzjoni ta’ Dun George J. Frendo li esegwixxa: Animam meam delictam ta’ De Victoria. Inqraw ukoll żewġ poeżiji ta’ Charles Bezzina u ta’ Joe M. Attard, u fl-aħħar sar ukoll it-tberik tal-istatwa l-ġdida mill-Arċipriet Mons. Pawlu Cardona. Il-banda issa tkompli bl-impenji tagħha matul din il-ġimgħa, bis-sehem tagħha fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, nhar il-Ħamis 21 t’April. Il-Ħadd, jum l-Għid il-Kbir il-banda għandha żewġ servizzi, wieħed filgħodu bid-dimostrazzjoni reliġjuża bl-istatwa tal-Irxoxt mill-bażilika ta’ San Ġorġ u filgħaxija tieħu sehem f’dimostrazzjoni oħra tal-Irxoxt, din id-darba fil-Fontana.

Ritratti: Joe Attard