Join Us On:

News Archive

KUNĊERT BIEX IFAKKAR JUM IR-REPUBBLIKA

Nhar is-sibt 19 ta’ Diċembru 2020, bħala parti tal-festi li jiċċelebraw it-tifkira ta’ Malta Repubblika, il-kunsill tal-kultura fi ħdan il-Ministeru ta’ Għawdex organizza kunċert mużikali fis-7.00 ta’ filgħaxija, ġo pjazza Indipendenza ir-Rabat Għawdex. Għall-kunċert kienu mistiedna jdoqqu tlett solisti prinċipali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, Mario Galea (klarinett), George Camilleri (Ewfonju) u Robert Buttigieg (Trumbetta). Jakkumpanja fuq il-pjanu matul is-serata kollha, ġie mistieden il-pjanista Francis Camilleri.

Il-kunċert kien taħt il-patronċinju tal-Eċċellenza tiegħu il-President ta’ Malta Dr.George Vella u s-sinjura Vella, kif ukoll tal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u s-sinjura Camilleri. Għalkemm it-temp ma kienx tant favorevoli il-kunċert irnexxa tassew u minkejja r-restrizzjonijiet imposti, kellu attendenza ħafna iktar milli wieħed kien qiegħed jistenna.

Il-programm fetaħ bil-Cantabile ta’ Paganini, arranġament għall-ewfonju ta’ Goff Richards. Din is-silta qasira, oriġinarjament għall-vjolin u kitarra hija stutturata fuq tlett sezzjonijiet. Għandha linji melodiċi  sempliċi li jagħmluha unika. Segwiet A Trumpeter’s Lullaby ta’ Leroy Anderson b’melodija ritmika li veru tpaxxi l-widna. Din il-lullaby inkitbet għat-trumbettista tal-Boston Pops orchestra Roger Voisin. Lullaby hija kanzunetta trankwilla, tindaqq sabiex it-tfal jikkwietaw u jkunu jistgħu jorqdu fil-paċi. Tikkonsisti fi tlett taqsimiet kuntrastanti, u tista’ tgħid li tassew tilħaq l-għanijiet li għalihom ġiet komposta.

Biċċa mużika oħra kienet il-Concertino in Eb Major op.26 għall-klarinett tal-kompożitur Ġermaniż klassiku/romantiku Carl Maria von Weber. Kunċertin miktub għall-akkumpanjament bl-orkestra mill-iktar effettiv, li jiftaħ b’moviment melankoniku u misterjuż. Wara ftit l-andament isir iktar ferrieħi b’tema kantabbli ta’ stil operistiku, segwita b’żewġ varjazzjonijiet fuq it-tema oriġinali. Moviment qasir Adagio isegwi fuq ir-reġistru l-baxx tal-klarinett. Wara passaġġ kwiet, il-mużika tinfexx f’Allegro fi stil brillanti li jwassal dan il-kapolavur mużikali għall-tmiem tassew grandjuż.

Il-kunċert jgħaddi għal Romanza mit-tieni movement tal-kunċert oriġinali għall-ewfonju u orkestra tal-kompożitur Karl Jenkins. Silta mużika fi stil ta’ innu, bi kwalitalijiet simili għall-mużika romantika tradizzjonali minn Wales fl-Ingilterra. Melodija rilassanti ferm li tfakkrek fil-kampanja sabiħa tal-Ingilterra. Imbagħad wara, smajna fuq it-trumbetta,  Petite Piece Concertante ta’ Guillame Balay. Baley kien tumbettista Franċiż li kien attiv ħafna fil-bidu tas-seklu għoxrin. Kunċertin qasir b’żewġ movimenti, jiftaħ b’Moderato fi stil romantiku u wara jaqleb għall-moviment Marciabile fejn is-solista jibbrilla f’passaġġi ferriħija.

Għall-għeluq, smajna Gypsy Airs ta’ Pablo Sarasate. L-arranġament għall-ewfonju kien ta Howard Snell. Din il-kompożizzjoni ta’ dan il-mużiċista Spanjol kienet miktuba oriġinarjament għall-vjolin u orkestra fil-1878. Il-mużika hija inspirata minn stili u temi żingari u tinkludi wkoll il-Czardas. Għalkemm fiha moviment wieħed, hija maqsuma f’erba sezzjonijiet kuntrastanti. Tibda b’improvizzatura fuq is-solista li s-segwi b’melodija ta’ diqa u melankonija. Wara intervent sieket u misterjuz smajna zifna mgħaġġla ma taqta xejn u fernezija ta’ noti pirotekniċi.

Is-serata temmet b’diskorsi mill-Eċċelenza tiegħu il-President ta’ Malta u mill-Onorevoli Ministru ghal Għawdex. Dr. Paul George Pisani serva ta’ Compere waqt is-serata. Fl-aħħar nett ġie esegwit l-Innu Nazzjonali Malti minn Robert Buttigieg u Francis Camilleri. Dan hu kunċert ieħor memorabbli, bħall ohrajn ta’ qablu, li espona t-talenti mużikali tal-mużiċisti solisti tas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Ħajr lill-kumitat li dejjem jippromovi dawn l-inizjattivi, li ma’ jagħmlu xejn ħlief jonoraw lis-Soċjeta Muzikali tagħna u fl-aħħar nett lill-Gżiritna.