KUNĊERT TA’MUŻIKA SAGRA FIL-BAŻILIKA TA’ SAN ĠORĠ
Bħalissa, l-Banda Ċittadina La Stella għaddejja bil-preparamenti tagħha għall-kunċert ta’ mużika sagra u klassika relatata ma’ dan iż-żmien tar-Randan. Il-kunċert se jsir nhar is-Sibt li ġej fil-Bażilika ta’ San Ġorġ u jibda fit-8.00pm. Kulħadd huwa mistieden u d-dħul huwa b’xejn.
Fost il-biċċiet magħżula hemm arranġamenti sbieħ minn kompożituri famużi bħal Wagner, Lloyd Webber, Jenkins u oħrajn. Naturalment ma jonqsux xi marċi funebri li jdaħħluna fl-atmosfera unika għal dan iż-żmien tas-sena.
Dan il-kunċert se jkun taħt id-direzzjoni tas-surmast sostitut Noel Beck, li għal dawn l-aħħar ġimgħat għamel numru ta’ kunċerti preparatorji mal-Banda La Stella.
Minn din il-paġna nixtiequ nroddu ħajr ukoll lis-Surmast Direttur Dr John Galea għall-kunċerti preparatorji li mexxa hu bħala parti mill-programm ta’ tħejjija tal-banda għas-servizzzi tal-Ġimgħa l-Kbira.
Fuq nota differenti, bħala inizjattiva biex aktar dilettanti jakkwistaw CDs tal-marċi funebri, s-Soċjeta Filarmonika La Stella għadha kif nidiet offerta fejn għall-prezz ta’ €30 wieħed jista’ jakkwista erbgħa CDs ta’ snin differenti (il-prezz huwa ta’ €25 għas-Soċji).
Għalhekk nagħmlu appuntament magħkom għas-Sibt li ġej fit-8pm ġewwa l-Bażilika ta’ San Ġorġ għall-kunċert tant mistenni.