Join Us On:

News Archive

KUNĊERT TA’ MUŻIKA SAGRA MILL-BANDA LA STELLA

Il-Banda Ċittadina La Stella fetħet l-impenji tagħha fil-Ġimgħa Mqaddsa bil-Programm ta’ Mużika Sagra ġewwa il-Bażilika ta’ San Ġorġ il-bieraħ filgħaxija, l-Ħadd 13 ta’ April 2025.

Fost l-oħrajn, il-Banda llejla daqqet għall-ewwel darba l-marċ funebru “L-Aħħar Tgħanniqa lill-Mamà” wieħed mill-isbaħ komposizzjonijiet reċenti tas-Surmast Direttur Dr John Galea.

Il-Banda La Stella esegwiet ukoll il-marċ “In Memoriam Fredu Spiteri” kapulavur tal-Professur Joseph Vella, l-ewwel marċ funebru tal-istess Surmast, miktub 60 sena ilu, li kien segwit minn marċ funerbri ieħor mill-isbaħ “In Memoriam Ġianni Galea” bis-sehem tal-Kor tat-Tfal Piccole Stelle taħt id-direzzjoni ta’ Sylvana Attard.

Biċċiet oħra importanti waqt is-serata kienu “Pie Jesu” ta’ Gabriel Fauré, bis-sehem tas-sopra Hilda Grima u “Ingemisco” ta’ Giuseppe Verdi bis-sehem tat-tenur Angelo Muscat. Kompożizzjonijiet oħra sbieħ li ndaqqu kienu “Melody for Michael” tal-bandist tagħna George Isaac Camilleri iddedikat lill-memorja ta’ ħuħ u “Mater Dolorosa” ta’ Giuseppe Giardini Vella. Komplew sebbħu s-serata bl-esekuzzjoni tal-biċċiet “Lacrimosa” ta’ Mozart, “Ġesu Tiegħi” bis-sehem tal-kor tat-tfal Piccole Stelle u fl-aħħar “Dies Iræ” meħud mir-Requiem ta’ Mozart.

Ippreżenta s-serata n-Nutar Dr Paul George Pisani. Il-kunċert kien possibbli bl-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex u d-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdanu.

Ritratti: Joe Attard