Join Us On:

News Archive

KUNĊERT TA’ MUŻIKA SAGRA FIL-BAZILIKA

Nhar il-Ħamis 6 ta’ April, l-Banda Ċittadina La Stella żammet l-appuntament annwali tagħha bil-Kunċert ta’ Mużika Sagra, marbut mill-qrib ma’ dan iż-żmien tar-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa.  Il-kunċert sar fil-Bażilika ta’ San Ġorġ u kien taħt id-direzzjoni tas-Surmast Noel Beck.

L-attendenza kienet waħda tajba ħafna magħmula prinċiparjament minn taħlita ta’ Għawdxin, Maltin kif ukoll barranin, lkoll dilettanti ta’ dan it-tip ta’ mużika. L-għażla tal-biċċiet kienet tajba wkoll, bil-maġġoranza tas-siltiet magħrufa sew u kompożizzjonijiet eċċellenti biex idaħħluk fl-atmosfera tal-Ġimgħa l-Kbira, hekk kif il-Bażilika bħalissa hija armata bl-aċċessorji marbuta ma’ dan iż-żmien, inkluż is-sett artistiku tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira.

L-biċċiet mużikali inkludew ir-Requiem in D Minor ta’ Mozart, l-Adagio for Strings ta’ Samuel Barber, l-Ave Maria ta’ Giulio Caccini bil-parteċipazzjoni tas-solisti ta’ Robert Buttigieg fuq it-Trumpet u George Camilleri fuq l-Euphonium u l-marċ popolari Perche Piangi ta’ Giuseppe Giardini Vella.  Imbagħad il-kunċert tkomla bir-Requiem for a Dream ta’ Clint Marsell, The Armed Man ta’ Karl Jenkins u l-marċ immortali tal-Prof Joseph Vella, In Memoriam Gianni Galea.  L-aħħar biċċiet inkludew Paladio ta’ Karl Jenkins, Symphonie Fantastique ta’ Hector Berlioz u l-għeluq b’ Waltz No.2 ta’ Dmitri Shostakovich.

L-udjenza kienet immexxija mill-President tas-Soċjeta Filarmonika La Stella s-Sur Paul M Cassar u l-membri tal-kumitat.  Matul is-serata konna onorati wkoll bil-preżenza tal-E.T. Mons. Mario Grech Isqof t’Għawdex u Dekan tal-Kolleġġjata Ġorġjana, l-Arċipriet Mons Joseph Curmi u bosta membri tal-Kleru.

Prosit tassew l-Banda Ċittadina La Stella, lis-Surmast Noel Beck ta’ dan il-kunċert li għal darba oħra kien suċċess kbir.

Minn din il-paġna nistednukom  tattendu għal bosta attivitajiet marbuta ma din il-ġimgħa hekk importanti, fostom il-funzjonijiet kollha fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-wirja mtella mill-Għaqda Żgħażagħ La Stella, l-purċissjoni antika u devota li din is-sena se toħroġ nhar Ħamis ix-Xirja fis-7pm, kif ukoll nhar l-Għid il-Kbir bil-purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt.  Aktar dettalji dwar il-funzjonijiet fil-Bażilika tagħna jinsbu f’din il-link: Program Randan 2017.

(Ritratti: Joe Attard)