Join Us On:

News Archive

KUNĊERT TA’ MUŻIKA SAGRA

Nhar is-Sibt li ġej fit-8pm se jsir Kunċert ta’ Mużika Sagra ġewwa l-Bażilika ta’ San Ġorġ Martri, mill-Banda Ċittadina u Dekana La Stella, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Dr John Galea.

Matul il-kunċert se jiġu esegwiti numru ta’ marċi funebri, kompożizzjonijiet tas-Surmast Galea u xi wħud minnhom se jindaqqu għall-ewwel darba.  Matul is-serata se jiġi mniedi wkoll ic-CD doppju li l-Banda La Stella irrekordjat din is-sena, kollha marċi funebri tas-Surmast Galea.  Fil-ġżejjer Maltin hawn ħafna dilettanti tal-marċi funebri li ħafna minnhom nisimgħuhom fil-ġranet li ġejjin matul it-toroq tagħna, speċjalment fil-Ġimgħa Mqaddsa.   

Il-Marċ Funebru huwa ġeneru mużikali li għandu forma ta’ kompożizzjoni dinjituża, ġeneralment f’tonalità minuri, b’temp meqjus ta’ pass adattat għal waqt korteo ta’ funeral. Id-drawwa ta’ mużika strumentali takkumpanja l-pompi funebri kienet diġà preżenti fost il-popli tal-qedem, speċjalment il-Griegi, l-Etruski, kif ukoll ir-Rumani. Fil-fatt l-użu ta’ mużiċisti li jdoqqu waqt il-funeral kien parti integrali mill-funus translaticium, il-pompa funebri f’Ruma l-antika.

Ħarsa lura

Fis-seklu 17 il-marċ funebru, oriġinarjament riservat għall-funeral ta’ nies famużi, mibni fuq ritmi purament militari, sar aktar popolari, u laħaq l-espressjoni artistika massima tiegħu fis-seklu 19. Fost il-kompożituri klassiċi li ddistingwew ruħhom f’dan il-ġeneru nsibu lil Beethoven, Chopin, Wagner, Liszt, Mahler u Shostakovich.

Il-karatteristiċi tal-istruttura tal-marċijiet funebri hija kważi uniformi. Dawn huma tipikament f’forma ta’ temp regolari meqjus u b’xejra melodika li tqanqal. Il-forma tal-marċ funebru li jiġi esegwit mill-kumplessi bandistiċi hija ferm addattata għat-timbru tal-istrumenti tan-nifs, ram u perkussjoni. It-tnabar huma wkoll spiss użati u huma reminixxenti tal-oriġni militari ta’ din it-tip ta’ kompożizzjoni.

L-implikazzjonijiet psikoloġiċi ta’ dan il-ġeneru ta’ mużika huma diversi, iżjed u iżjed meta dan il-ġeneru huwa użat biex titfakkar il-memorja ta’ diversi persunaġġi. Wieħed mill-fatturi ewlenin ta’ dan il-ġeneru huwa li din il-mużika tgħin fil-proċess ta’ luttu meta tkun użata fiċ-ċelebrazzjoni tal-funeral jew fiċ-ċerimonja tat-tifkira. Il-mużika tal-marċijiet funebri allura tgħin biex titwettaq il-paċi interna neċessarja, waqt li wieħed jaħseb fuq it-telfa tal-għeżież mejtin filwaqt li jfakkar il-memorja tagħhom.

Illum il-ġurnata

Illum il-marċi funebri spiss jintużaw biex jakkumpanjaw xi funeral tal-istat jew waqt il-funerali ta’ personalitajiet distinti mill-ħajja ċivili, politika, militari u kulturali. Barra dan l-użu primarju nsibu li fit-tradizzjoni Spanjola u dik tan-Nofsinhar tal-Italja dan il-ġeneru ta’ marċi huwa spiss użat waqt il-purċissjonijiet li jakkumpanjaw il-perjodu tal-Passjoni jew matul il-Ġimgħa Mqaddsa. Dawn il-marċijiet funebri huma segwiti ferm mill-Maltin u l-Għawdxin kollha u jgawdu popolarità kbira fost id-dilettanti ta’ dan iż-żmien partikolari tas-sena. Il-mudelli ta’ uniformità u sempliċità kapaċi jikkomunikaw espressjoni tal-uġigħ tat-telfa tal-għeżież tagħna, iżda hawn ukoll il-mużika, li tibda b’tonalità minuri u tispiċċa f’tonalità maġġuri, speċjalment waqt it-Trio, twennes il-qalb bit-tama tal-ottika ta’ Kristu Rxoxt!

Il-kumpilazzjoni In Memoriam hija assoċjata mal-memorja ta’ diversi persuni, ġeneralment ta’ bandisti mejtin u diversi qraba tagħhom, membri tal-Kumitat jew sostenituri li dejjem kienu qrib is-Soċjetà Filarmonika La Stella. Huma bosta l-marċijiet funebri li l-Arkivju tas-Soċjetà huwa mżejjen bihom. Fost dawn insibu prinċipalment marċijiet funebri eċċelsi komposti mis-surmastrijiet tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, fosthom Giuseppe Giardini Vella, Joseph Vella u John Galea, kif ukoll ħafna oħrajn li ħarġu mill-pinna tal-bandisti tas-Soċjetà.

L-istil tas-Surmast John Galea

Bħal diversi eżempji oħra mir-repertorju bandistiku tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, id-diversi kompożizzjonijiet funebri tas-Surmast Dr John Galea huma kkaratterizzati min-noti kiebja ta’ melodiji attraenti li jagħtu ħjiel tal-karba umana fir-rigward ta’ persuni li ġew nieqsa matul iż-żmien. Galea juża stil eleganti li jutilizza l-ikkulurit strumentali tat-tessut bandistiku, fejn ma jonqsux passsaġġi qawwija fuq ir-ram, speċjalment fit-tieni sezzjoni tal-marċ, imħalltin b’mod maġistrali ma’ passaġġi ħelwa fuq il-qasba. L-armonija tal-lingwaġġ mużikali tas-Surmast Galea hija pjuttost waħda spinta, b’użu ta’ rotot tonali mhux prevedibbli flimkien ma’ xi dissonanzi okkażjonali li jkomplu jorqmu l-istil distint tiegħu. L-użu qawwi ta’ skwilli fuq ir-ram, speċjalment fil-kurunetti, għandu togħma ta’ tqanqil passjonali li jġib lis-semmiegħa konxji tal-kruha tat-telfa tal-persuni li għalihom huma ddedikati l-marċijiet f’din il-kumpilazzjoni.

Aspett ieħor tal-istil tas-Surmast Galea huwa t-teknika kontrappuntali użata b’tant ħila biex it-tessut kompożittiv joħroġ fil-ġmiel kollu tiegħu. It-tessitura tal-marċ funebru titlob sobrjetà li tkompli tiġi msaħħa mill-użu idjomatiku tal-iskema tonali. Ġeneralment il-marċ jibda f’tonalità minuri, bħallikieku biex jindika l-weġgħa tal-firda. Din tgħaddi progressivament lejn it-tonalità maġġuri bħala turija tas-superament emozzjonali, fejn il-weġgħa tiġi megħluba, fejn dan il-mument kważi kważi ta’ katarsi (ġeneralment ippropagat fis-sezzjoni tat-Trio) joffri ottika ta’ tama fis-salvazzjoni eterna wara l-punt tal-mewt. Għaldaqstant il-marċ funebru jaqdi funzjoni ta’ mezz effikaċi fl-espressjoni tar-rit tal-memorjal fil-kumplessità kollha tiegħu.

Programm Muzika Sagra 2022#