Join Us On:

News Archive

KUNĊERT SINFONIKU FIT-TEATRU ASTRA MILL-BANDA ĊITTADINA LA STELLA

Għal darba oħra l-Banda Ċittadina La Stella se tkun qed ittella kunċert sinfoniku mill-aqwa ġewwa t-Teatru Astra, li jimmarka l-għeluq tat-tmintax –il edizzjoni ta’ Festival Mediterranea.  Matul il-kunċert se jindaqq biċċiet klassiċi mir-repertorju mużikali tal-banda La Stella.

Waħda mill-biċċiet li se jindaqqu hija l-overture finale mill-opra William Tell ta’ Rossini, magħrufa bħala March of the Swiss Soldiers. Din hi biċċa mużikali popolari ħafna minħabba l-melodija sabiħa li għandha. Silta oħra mużikali li se nkunu qed nisimgħu waqt dan il-kunċert hija l-overture mill-opra ta’ Verdi La Forza del Destino, biċċa xogħol brillanti b’elementi romantiċi sbieħ li fiha u fl-istess ħin kiebja.

Mument ieħor importanti waqt il-kunċert se tkun l-eżekuzzjoni tal-kompożizzjoni tas-Surmast Direttur Dr. John Galea, il- Fanfare Salute, li nkitbet fl-2003 speċifikament biex tonora l-predeċessuri tiegħu fis-Soċjetà Filarmonika King’s Own. F’Għawdex indaqqet għall-ewwel darba fil-kunċert ta’ Jum l-Indipendenza ta’ din is-sena mill-Banda Ċittadina La Stella taħt id-direzzjoni tal-kompożitur innifsu.  Mediterranea,  xoghol tal-kompożitur Għawdxi u solista fil-Banda Ċittadina La Stella, Mario Galea ukoll ser tkun parti mill-programm muzikali li qed jigi mhejji.

Kompożizzjoni importanti li se tindaqq waqt il-kunċert hija l-kapulavur tal-Prof. Joseph Vella, Malta Rebbieħa, miktuba apposta għall-Banda Ċittadina La Stella, u li wara xi  snin sar arranġament fuqha għall-orkestra. Malta Rebbieħa żżewweġ fiha elementi romantiċi, mumenti traġiċi, mumenti ta’ gwerra u mumenti rebbieħa – fatturi li ikkaretirizzaw l-istorja ta’ pajjiżna. Il-Banda La Stella ser tesegwixxi ukoll selezzjoni mill-opra Macbeth, arrangement tal-mibki Mro Joseph Vella.

Matul il-kunċert se tindaqq ukoll medley  mill-erbgħa musicals li saru fit-Teatru Astra fl-aħħar snin; Grease, Evita, Jesus Christ Superstar, u Joseph and the Amazing Technicolour Dreamcoat.

Dan il-kunċert se jkun għall-ewwel darba taħt id-direzzjoni tas-surmast Dr John Galea, li nħatar bħala d-direttur mużikali tal-Banda Ċittadina La Stella fl-2018.

Il-kunċert se jsir fit- Teatru Astra, l-Belt Victoria, s-Sibt 16th November 2019,  fit-8pm.  Id-dħul għal dan il-kunċert huwa b’xejn u kulħadd mistieden jattendi.

Ritratti: Joe Attard

_JMJ8746

_JMJ8725