KUNĊERT OPERISTIKU – PUCCINI100
Nhar is-Sibt li għadda, 16 ta’ Novembru 2024 ġewwa t-Teatru Astra ġie mtella’ kunċert grandjuż mill-fundazzjoni Classique bl-isem Puccini100, biex jikkommemora l-mitt sena mill-mewt tal-kompożitur famuż taljan.
Il-kunċert kien jinkludi arias popolari, dwetti u numru ta’ siltiet oħra mill-opri ta’ Puccini u kellu l-parteċipazzjoni tat-tenur u s-sopran ta’ fama internazzjonali Gregory Kunde u Erica Grimaldi u s-sehem tal-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta taħt id-direzzjoni tas-Surmast Joseph Debrincat, li huwa wkoll id-direttur artistiku u fundatur tal-fundazzjoni Classique.
Għal din is-serata kien hemm preżenti l-President tar-Repubblika, l-E.T. Myriam Spiteri Debono, l-Kardinal Mario Grech, is-Sindku tal-Belt Victoria Brian Azzopardi, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar l-Onor. Clint Camilleri u l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali l-Onor. Anton Refalo. Kienu preżenti wkoll il-President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella Michael Formosa, s-Segretarju Matthew Zammit u bosta membri tal-kumitat amministrattiv.
Kien ta’ pjaċir u unur li t-Teatru Astra ospita dan l-avveniment importanti biex ifakkar lil Giacomo Puccini li tiegħu fl-aħħar snin saru bosta opri ġo l-istess teatru. L-opra li jmiss ġewwa t-Teatru Astra f’Ottubru 2025 hija t-Tosca ta’ Giacomo Puccini.
(Ritratti: Classique Foundation / Anthony Grech)