KUNĊERT MIS-SOLISTI TAL-BANDA LA STELLA
Il-bieraħ kompla l-Festival Mediterranea b’appuntament ieħor importanti. Bħal ma sar is-sena l-oħra, din is-sena kellna wkoll il-kunċertin La Stella Wind and Brass Soloists and Ensembles. Fih ħadu sehem diversi bandisti tas-Soċjetà u daqqew biċċiet mużikali varjati ħafna. Fil-kunċert akkumpanja l-bandisti għall-ewwel darba Francis James Camilleri fuq il-pianoforte fejn kellu debutt eċċellenti.
Il-kunċert beda b’biċċtejn mużikali eżegwiti minn George Camilleri fuq l-Euphonium, li ċertament ma’ għandu bżonn ebda ntroduzzjoni, akkumpanjat minn Francis James Camilleri. Dritt wara ndaqqet Sonata da chiesa fuq is-saxophones, minn Mario Attard u Joe Cini. Il-kwartett tal-klarinetti kien magħmul minn Mario Galea, Noel Galea, Noel Beck u Silvio Cini fejn daqqew diversi biċċiet fosthom Serenade for Winds ta’ Mozart u Flight of the Bumblebee ta’ Rimsky-Korsakov. Fl-aħħar kien imiss mill-ġdid li jdoqq George Camilleri fejn, akkumpanjat minn Francis James Camilleri fuq il-pianoforte, daqq O mio babbino Caro ta’ Puccini u għalaq il-kunċert bil-Grand Russian Fantasia, akkumpanjat fuq il-pianoforte minn Dr. Maria Frendo.
Ikun ta’ pjaċir ferm għalina naraw bandisti jiġu mogħtija l-opportunità jdoqqu bħala solisti quddiem udjenzi bħal dawn. Fil-fatt huwa nkoraġġanti ħafna għalina naraw li n-nies għal dan il-kunċert qegħdin dejjem jiżdiedu. Prosit tassew lil dawk kollha nvoluti fil-preparamenti ta’ din l-attività.