Join Us On:

News Archive

KUNĊERT MILL-ISBAĦ MILL-BANDA ĊITTADINA LA STELLA

L-aħħar attività ta’ Fesitaval Mediterranea 2022 kienet tikkonsisti f’kunċert grandjuż mill-Banda Ċittadina La Stella bl-isem ta’ Sounds of Morricone, liema kunċert intlaqa tajjeb ħafna mill-udjenza numeruża li attendiet.  Il-kunċert kien taħt id-direzzjoni tas-Surmast Dr John Galea u sar bis-sehem tal-kor tat-tfal Piccole Stelle taħt id-direzzjoni ta’ Ms Sylvana Attard.  Hadu sehem ukoll is-sopran Ruth Portelli u t-tenur Angelo Muscat.

Is-serata kienet ippreżentata minn Francesco Pio Attard u matulha indaqqu diversi biċċiet mużikali kompożizzjonijiet ta’ Morricone.  Ħafna mill-kompożizzjonijiet saru għaċ-ċinema bħala soundtracks u biċċa minnhom imorru lura sas-snin sebgħin u tmeninijiet.  Fost il-biċċiet li ndaqqu nsibu Gabriel’s Oboe, The Untouchables, Once Upon a Time in America, La Califfa, The Good, the Bad and the Trumpet, kif ukoll medly bl-isem ta’ Portrait of Morricone.

Prosit tassew imur lill-bandisti kollha tagħna li kien ilhom iħejju għal dan il-programm diversi ġimgħat, speċjalment lis-solisti, lkoll tagħna, li ħadu sehem f’dan il-kunċert; Mario Galea (Clarinet), Ino Attard (B flat Baritone), Mario Attard (Alto Saxophone), Robert Buttigieg (Trumpet) u Francis Camilleri (Piano).  Prosit ukoll lill-kor Piccole Stella li kanta fil-Gabriel Oboe u l-Innu tal-Banda, u lill-kantanti mistiedna Ruth Portelli u Angelo Muscat. Grazzi lis-Surmast Galea li b’tant dedikazzjoni ħejja l-banda għal dan il-kunċert memorabbli. Is-serata spiċċat bid-daqq tal-Innu La Stella, l-Innu t’Għawdex u l-Innu Malti.

Dan il-programm kien possibbli bl-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex u d-Direttorat għall-Wirt Kulturali f’Għawdex.

Għalkemm din kienet l-aħħar attività ta’ Festival Mediterranea, il-Banda Ċittadina La Stella ma tieqafx hawn.  Issa jmiss kunċert ieħor ta’ Jum ir-Repubblika ġewwa Pjazza Indipendenza nhar l-20 ta’ Diċembru 2022 taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta l-E.T.  Dr George Vella.  Aktar aġġornamenti dwar l-impenji li ġejjin segwu dan is-sit elettroniku u social media tagħna.

Ritratti: Joe Attard