Join Us On:

News Archive

KUNĊERT MILL-BANDA ĊITTADINA LA STELLA F’JUM L-INDIPENDENZA

Nhar is-Sibt 21 ta Settembru 2019,  filgħaxija il-Banda Ċittadina La Stella kienet mistiedna mill-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali biex tagħmel kunċert fl-okkażjoni tal- 55 sena mill-ksib tal-Indipendenza ta’ pajjiżna.  Għal din l-okkażjoni kienu mistednin iż-żewġ soċjetajiet mużikali tal-Belt Victoria.

Il-Banda Ċittadina La Stella tat interpretazzjoni eċċellenti tal-għażliet li għamlet mir-repertorju mużikali tagħha.  Il-kunċert fetaħ billi l-banda esegwiet “Malta Rebbieħa” kompożizzjoni tal-mibki l-Prof. Joseph Vella, ex-surmast tagħha li ismu huwa sinonimu mal-Banda Ċittadina La Stella. It-tieni biċċa magħżula kienet “Fanfare Salute” kompożizzjoni tas-surmast direttur attwali Dr. John Galea, li naturalment kien qed jidderieġi l-banda tagħna matul il-kunċert.  It-tielet selezzjoni f’dan il-programm muzikali għandha wkoll rabta mas Soċjetá Filarmonika La Stella peress li kienet ‘medley’ ta’ ‘musicals’ li saru tit-Teatru Astra, b’ arraġament ta’ Mro Aurelio Belli. L-aħħar biċċa mużikali kienet l-Overture ta’ William Tell, kompożizzjoni ta’ Rossini, li l-banda tagħna irnexxiela tesegwixxi b’mod impekkabbli fost ċapċip kbir tal-udjenza preżenti.  Il-Banda La Stella kienet protagonista f’dan il programm muzikali kemm minħabba l-programm mużikali li esegwiet li rrapreżenta l-kontribut li s-Soċjetà u s-surmastrijiet tagħha taw lix-xena mużikali lokali kif ukoll minħabba n-nukleju bandistiku li esegwa din il mużika – li kien kompost prinċiparjament minn bandisti tal-Banda Cittadina La Stella, inkluż is-solisti prinċipali li interpretaw bħal banda kollha, b’ mod eċċellenti il-programm mużikali.

Il-programm kompla billi għamel messaġġ tal-okkażjoni l-E.T. Mons. Dr. Joe Vella Gauci, Ambaxxatur u Delegat Permanenti ta’ Malta għall-UNESCO u President tal-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali. Waqt il-messaġġ huwa rringrazzja liż-żewġ soċjetajiet mużikali għall-kollaborazzjoni tagħhom waqt l-organizazzjoni ta’ dan il-kunċert. Ftit wara il-presidenti taż-żewġ soċjetajiet ingħataw tifkira tal-okkażjoni mill-Ministru għal Għawdex, Dr Justyne Caruana. L-impenn tal-banda tagħna intemm billi ndaqq l-Innu t’Għawdex, li huwa wkoll konness magħna peress li hija kompożizzjoni tal-Professur Joseph Vella.

Għal din l-okkażjoni attendew ħafna personalitajiet distinti fostom, l-imsemmi E.T. Mons. Joe Vella Gauci, il-Ministru għal Għawdex Dr Justyne Caruana, is-Sinku tal-Belt Victoria s-Sur Josef Schembri, il-Presidenti taż-żewġ soċjetatjiet mużikali u l-membri tal-kumitati tagħhom, membri parlamentari Għawdxin, d-direttur tal-Kultura s-Sur John Xuereb u bosta uffiċjali oħra. Is-serata kient ippreżentata minn Ms Lily Said

Minn din il-paġna nixtiequ nifirħu lil dawk kollha involuti fl-organizzazzjoni ta’ din is-serata, l-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali, l-Ministeru għal Għawdex, id-Dipartiment tal-Kultura, lis-surmast direttur tagħna  Dr John Galea, lis-Surmast Sostitut Mro Noel Beck, lis-solisti li daqqew matul il-kunċert, u lill-bandisti kollha li għal numru ta’ granet attendew diversi kunċerti preparatorji. Prosit tassew.

(Photos by Joe Attard and Ministry for Gozo)