Join Us On:

News Archive

KUNĊERT MILL-ALLJIEVI U L-KOR PICCOLE STELLE

Nhar il-Ħadd li għadda l-alljievi tagħna u l-Kor Piccole Stelle għamlu kunċert bħala parti mill-program ta’ Festival Mediterranea 2024 li issa wasal fil-wieħed u għoxrin edizzjoni. L-alljievi tal-Banda Ċittadina La Stella daqqew biċċiet mużikali kemm individwali, kif ukoll bħala ‘ensemble’. Għal din is-serata, bl-isem Showcasing Tomorrow’s Performers, attendew ukoll il-ġenituri tat-tfal, liema okkażjoni serviet biex tiftaħ is-sena ta’ ħidma għall-iskola tal-mużika u l-kor tat-tfal tat-Teatru Astra Piccole Stelle. Huwa ta’ pjaċir naraw l-iskola tal-mużika tagħna u l-kor tat-Teatru Astra Piccole Stelle, dejjem jikbru fin-numru. It-tfal li jattendu mhux biss ikollom ħafna opportunitajiet li jieħdu sehem f’diversi produzzjonijiet u attivitajiet organizzati mit-Teatru Astra u s-Soċjetà Filarmonika La Stella, imma wkoll billi jkunu jistgħu jagħmlu eżamijiet tal-ABRSM.

L-għalliema tal-iskola tagħna huma George Camilleri li jagħllem l-istrumenti tal-brass u Michael Bonanno u Courtney Caruana li jagħllmu l-istrumenti woodwind. Il-Kor Piccole Stelle huwa magħllem u mmexxi minn Sylvana Attard. Fi tmiem is-serata ġew ippreżentati diversi ċertifikati u tifkiriet mill-President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, s-Sur Michael Formosa. Is-serata kienet ippreżentata minn Andrea Camilleri u l-akkompanjatriċi fuq il-pjanu kienet Amy Borg.

Nawguraw lil dawn l-istudenti suċċess matul is-sena ta’ħidma li ġejja!

(Ritratti: Joe Attard)