KUNĊERT MEMORABBLI
Il-kunċert Annwali tal-Banda Ċittadina La Stella tal-bieraħ filgħaxija immarka suċċess ieħor fl-istorja mużikali tas-Soċjetà. Il-preparazzjoni għal dan l-avveniment tat ir-riżultat mixtieq, dak ta’ eżekuzzjoni eċċellenti mill-Banda tagħna taħt is-Surmast Joseph Vella. Il-biċċiet li indaqqu matul is-serata kienu fil-maġġoranza tagħhom impenjattivi ħafna u allura s-suċċess miksub għandu sens akbar.
Is-serata fetħet bil-preżentatriċi Maria Schembri fejn tat tagħrif qasir dwar dak kollu li kien se jindaqq. L-ewwel eżekuzzjoni kienet ta’ Jacob de Haan bil-Variazioni in Blue, segwita minn Music ta’ John Miles, taħt it-tmexxija tal-Assistent Surmast Sigmund Mifsud. Imbagħad indaqqet MyFanwy ta’ Joseph Parry fejn daqq is-solista Ino Attard u dritt warjaha kien imiss l-eżekuzzjoni ta’ selezzjoni minn I Pescatori di Perle bis-solisti jkunu Robert Buttigieg, Ino Attard u Anton Sacco. Segwew Pulcinella ta’ Ray Sciberras u Unfinished ta’ Schubert bis-solisti Mario Galea u Robert Buttigieg. Il-kunċert għalaq b’ Pezzo Sinfonico ta’ Joseph Vella u fl-aħħar nett Danza delle Ore b’eżekuzzjoni eċċellenti.
Matul is-serata sar indirizz qasir mill-President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, is-Sur Paul M Cassar fejn irringrazza lis-Surmast Vella, l-Assistent Surmast Mifsud, l-bandisti kollha u l-dawk kollha li onorawana bil-preżenza tagħhom.
Dan il-kunċert kien avveniment importanti f’Festival Mediterranea li issa wasal fit- 13 -il edizzjoni. Nhar is-Sibt u l-Ħadd li ġejn jagħlaq il-festival bil-play Doubt. Min jixtieq jakkwista billjetti jista’ jaghmel dan billi jmur l-Astra Bar jew iċempel fuq 21550985.
(Ritratti: Joe Attard)