Join Us On:

News Archive

KUNĊERT KBIR MILL-BANDA ĊITTADINA LA STELLA

Il-kunċert annwali li sar fit-Teatru Astra nhar is-Sibt 16 ta’ Novembru 2013 kien suċċess kbir ħafna.  Dan huwa mertu kbir tal-bandisti tagħna, tas-Surmast Direttur il-Prof Joseph Vella, tal-Assistent Surmast Sigmund Mifsud u ta’ dawk kollha li kienu qed jaħdmu minn ‘wara l-kwinti’.

It-Teatru beda jimtela ġmielu minn kmieni u fi ftit minuti s-siġġijiet kważi mtlew kollha, b’taħlita ta’ udjenza magħmula minn partitarji, dilettanti tal-mużika, Maltin li qasmu l-fliegu l-weekend li għadda,  kif ukoll nurmu konsiderevoli ta’ barranin.

Il-mużika kienet waħda varjata u mexxejja u din l-għażla tidher li ntlaqet tajjeb ħafna minn kulħadd.  Il-programm tas-serata li taħt is-Surmast Direttur tal-Banda Ċittadina La Stella l-Prof. Joseph Vella u kien jikkonsisti f’ dawn il-biċċiet;

  • Grand March ta’ R. Wagner
  • Sempre Verdi ta’ J. Ofburg
  • Otello (A selection) ta’ G. Verdi arr. Charles Godfrey
  • Omaggio a “La Stella” Symphonic fantasy ta’ Mario Galea
  • La Brillante Sinfonia 1875 ta’ E. Bartoli
  • Toccata in D Minor ta’ J Van Kraeydonck (taħt l-Assistent Surmast Sigmund Mifsud)
  • The Blues Factory ta’ J. de Haan

Sewwasew qabel il-biċċa ta’ E. Bartoli ntwera dokumentarju storiku dwar l-istorja tal-Banda li serva wkoll bħala ntroduzzjoni għal La Brillante Sinfonia 1875 – mużika li nstabet fl-arkivji mużikali tas-Soċjetà.  Is-serata serviet ukoll bħala debutt brillanti għall-Assistent Surmast Sigmund Mifsud fit-Teatru Astra b’Toccata in D Minor.  Fl-okkażjoni, il-Viċi President tas-Soċjetà Dr Chris Mizzi kif ukoll is-Segretarju Amministrattiv Michael Formosa ippreżentaw tifkira tal-okkażjoni kemm lis-Surmast Direttur il-Prof Joseph Vella kif ukoll lill-Assistent Surmast Sigmund Mifsud.  Fir-serata kellom biċċiet ukoll dawn is-solisti; Robert Buttigieg fuq it-Trumpet, Anton Sacco u George Camilleri fuq l-Euphonium, Mark Schembri fuq l-Althorn u George Camilleri fuq il-Flute. Il-preżentatriċi tal-kunċert kienet Maria Portelli.

Għas-serata konna onorati bil-preżenza tal-Onorevoli Dr. Anton Refalo, Ministru għal Għawdex u s-Sinjura tiegħu, kif ukoll mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof t’Għawdex.  Prosit tassew lil kulħadd …

(Ritratti: Joe Attard)

 JMJ_9814  JMJ_9841  JMJ_9846 JMJ_9861

JMJ_9878