Join Us On:

News Archive

KUNĊERT FL-ANNIVERSARJU TAL-51 SENA MIR-REPUBBLIKA TA’ MALTA

Nhar il-Ħadd 14 ta’ Diċembru 2025, il-Banda La Stella kellha l-okkażjoni twettaq kunċert kbir mużikali sabiex jiġi mfakkar il-wieħed u ħamsin sena minn meta Malta saret Repubblika. L-istedina waslet minn għand il-kumitat Festi Nazzjonali fi ħdan il-Ministeru għall-Għawdex u l-Ippjanar. Il-kunċert ġie esegwit fi Pjazza Indipendenza fis-sebgħa ta’ filgħaxija taħt id-direzzjoni tas-Surmast Dr. John Galea. Fost il-persuni distinti kien hemm E.T. Il-President ta’ Malta Dr. Myriam Spiteri Debono, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal-Għawdex u l-Ippjanar is-Sur Mario Borg, Membri Parlamentari, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Intern, is-Sigurta’ u x-Xogħol, is-Sinjura Joyce Dimech, iċ-Chairman tal-kumitat taċ-Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali u Direttur għall-Wirt Kulturali fil-Ministeru għall-Għawdex u l-Ippjanar is-Sur John Xuereb u Is-Sinjuri Michael Formosa u Matthew Zammit President u Segretarju rispettivament tas-Soċjeta’ Filarmonika La Stella. Is-Sinjura Rosabelle Pavia bħala compere  tat-merħba lill-mistednin u talbet lis-Sur John Xuereb sabiex jagħmel id-diskors tiegħu.

Sussegwentament, wara li ndaqq l-Inno La Stella ta’ Mro. Giuseppe Giardini Vella, ingħata bidu għall-kunċert mużikali. Il-programm fetaħ bl-overture tal-opra La Gazza Ladra ta’ Gioacchino Rossini. Din l-opra mhix wisq popolari ġewwa Malta, saret għall-ewwel darba f’Malta fis-19 t’Ottubru 1829 fit-teatru Manoel u l-aħħar darba kien fis-sena 1840. Din l-overture tassew brillanti saret famuża minħabba l-istil partikulari tagħha, speċjalment ir-roll tat-tamburlin fil-bidu nett, il-marċ militari fl-introduzzjoni u ir-Rossini crescendo li jintuża ta’ spiss u hu fil-fatt sinonimu ma’ dan il-kompożitur. It-tieni silta kienet Maria, marċja sinfonika tal-kompożitur Malti Vincenzo Ciappara. Din is-sena jaħbat il-mija u ħamsa u tletin sena mit-twelid tiegħu. Wara introduzzjoni qasira bil-qniepen u fanfarra bit-trombi u l-korni smajna l-ewwel tema – passaġġ sinkopat fuq l-ewfonji, b’risposti qosra, stakkati u ħfief fuq il-klarinetti u l-flawti. It-tieni tema kienet melodija intensa fuq l-istrumenti tar-ramm b’akkumpanjament ta’ terzini fuq l-istrumenti tal-qasba. It-tielet taqsima, f’tonalita’ differenti, kienet melodija pjuttost sottili li wasslitna għal-tmiem din il-marċja wisq effettiva ta’ Ciappara.

Three mood pieces tas-surmast Prof. Joseph Vella segwiet. Din is-suite kienet inkitbet għall-vjolin u pjanu fl-1960. Fl-1965 kienet irranġata għal orkestra tal-korda u indaqqet fit-teatru Manoel sena wara. Smajna biss it-tieni u t-tielet movimenti minn dan ix-xogħol mużikali. Kienu żewġ movimenti kuntrastanti – ta’ l-ewwel kalm u trankwil għall-aħħar fejn smajna passaġġi kwieti u melodjużi fuq flawt solo (Sarah Cassar) u klarinett solo (Mario Galea). L-aħħar moviment jibda b’passaġġ misterjuż u mqanqal li jikkonsisti fi struttura ternarja. Il-coda (l-aħħar sezzjoni) fakkritna fit-temi oriġinali tal-bidu u wara smajna għeluq b’kolpi qawwija u qosra fuq il-kumpless bandistiku kollu. Segwiet Divertissement Tzigane, silta qasira tal-kompożitur modern Franċiż Felix Antonini. Is-solista kien wiċċ ġdid għall-banda – iż-żagħżugħ Luke Spiteri li iddebutta għall-ewwel darba fuq l-Alto Saxophone. Din is-silta tiftaħ b’introduzzjoni kajmana b’ton melankoniku. Iżda, wara ftit tfeġġ żifna mgħaġġla taż-żingari. Iktar il-quddiem il-mużika tinbidel għal stil iktar ferrieħi fit-tonalita’ ta’ Do maggiore.

Is-suite sinfoniku Ġgantija, kompożizzjoni tas-surmast Dr. John Galea, kienet ispirata mill-poeżija ‘Il-Ggantija t’Għawdex’ tal-poeta Ġorġ Pisani. Hija kompożizzjoni tal-1988 u  tikkonsisti fi sbatax-il taqsima li flimkien fihom madwar sittin minuta ta’ mużika. Il-mużika tinsab irrekordjata fuq CD mill-Chorus Urbanus flimkien mal-orkestra sinfonika ta’ Sofia ġewwa l-Bulgarija. Smajna żewġ siltiet, ir-raba’ taqsima tas-suite; Ritual Dance u is-seba’ taqsima; Processional li tiddeskrivi il-ġemgħa nies ta’ żmien il-ħaġar dieħla fil-maqdes sabiex tippreżenta  l-offerti tagħha. Il-mużika ta’ Processional prinċipalment tikkonsisti f’passaġġ dominanti għaddej kontinwament fuq l-istrumenti baxxi, filwaqt li melodija f’saħħitha fuq il-kurunetti u t-trumbuni  tiżvolġi ruħha kontinwament u tiżdied fl-intensita’ sakemm tilħaq il-qofol tagħha f’konklużjoni manjifika.

Segwiet  The Prince of Egypt (1998). Dan kien film ċinematografu animat dwar l-istorja ta’ Mose fl-Eġittu, wara sar musical b’kanzunetti komposti minn Stephen Schwartz u orkestrazzjoni ta’ Hans Zimmer. Is-silta tiftaħ b’melodija ta’ dieqa fuq it-tromba sola mis-solista Robert Buttigieg. Smajna siltiet mill-film bħal Deliver us, Through Heaven’s Eyes u When you believe. L-aħħar xogħol mużikali fil-programm kienet il-polka mgħaġġla Unter Donner und Blitz (Thunder and lightning) ta’ Johann Strauss. Din hija waħda mill-iktar kompożizzjonijiet popolari ta’ dan il-kompożitur magħruf l-iktar għall-valzi kbar ta’ Vjenna. Is-serata kompliet b’diskors mis-segretarju permanenti fil-Ministeru għall-Għawdex u l-Ippjanar Mario Borg u fl-aħħar nett bid-diskors ta’ l-E.T. Il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono. Fl-egħluq indaqq l-Innu Malti. Il-grupp kollu bandistiku flimkien mal-membri tal-kumitat presenti u l-E.T. il-President Myriam Spiteri Debono ħadu ritratt bħala tifkira ta’ din l-okkażjoni memorabbli. Bla dubju, dan kien kunċert kbir li wera l-livelli għolja u s-suċċessi li qiegħda tikseb il-Banda Filarmonika La Stella fl-aħħar snin.