Join Us On:

News Archive

KUNĊERT FL-ANNIVERSARJU TAL-50 SENA MALTA REPUBBLIKA

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-ħamsin sena minn meta Malta saret Repubblika, is-sibt 14 ta’ Diċembru 2024, ġie eżegwit taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Dr. John Galea, kunċert kbir mużikali mill-Banda Ċittadina La Stella ġewwa Pjazza Indipendenza, il-Belt Victoria. L-istedina ġiet mill-kumitat festi nazzjonali u reġjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Fost il-persuni distinti kien hemm E.T. Il-President tar-Repubblika ta’ Malta Dr. Myriam Spiteri Debono, Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar L-Onor. Perit Clint Camilleri, il-Ministru tas-Saħħa l-Onor. Dr Jo Etienne Abela, E.T. L-Ambaxxatur u delegat permanenti għal Malta tal-Unesco Mons Dr Joe Vella Gauci, id-direttur tal-wirt kulturali u chairman tal-kumitat taċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali s-Sur John Xuereb, Onor. membri Parlamentari, is-Sur Anton Tabone, Speaker emeritus, Il-President, is-Segretarju u membri tal-kumitat tas-Soċjeta Filarmonika La Stella u diversi mistednin oħra. In-Nutar Paul G. Pisani bħala compere, introduċa lis-Sur John Xuereb li hu d-direttur tal-wirt kulturali u chairman tal-kumitat taċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali sabiex jagħmel diskors storiku tal-okkażjoni.

L-ewwel silta fil-kunċert kienet l-overture tal-opra Norma ta’ Vinċenzo Bellini, segwita minn selezzjoni mill-operetta Cuor di Ben ta’ Mro. Giuseppe Giardini Vella. Wara ġie esegwit mis-solista Mario Galea, it-tieni moviment tal-kunċert għall-klarinett ta’ Wolfgang Amadeus Możart. Fl-okkażjoni tal-100 sena mill-mewt tal-kompożitur Giacomo Puccini smajna It-Te Deum mill-opra tieghu Tosca. Mir-repertorju operistiku smajna wkoll is-silta Toreador mill-opra Carmen ta’ Georges Bizet. F’din is-silta is-solista fuq l-ewfonju kien Anton Sacco. Segwiet Processional, mis-suite sinfoniku Ġgantija, kompożizzjoni tas-surmast attwali Dr. John Galea. Il-programm kompla bl-overture Festive Bells tal-Prof. Joseph Vella. Fl-aħħar smajna La Tragenda mill-opra Le Villi ta’ Giacomo Puccini. Din tal-aħħar kienet l-ewwel eżekuzzjoni minn banda Għawdxija. F’aħħar tal-kunċert kien hemm diskorsi mill-ministru għal Għawdex u l-Ippjanar L-Onor. Clint Camilleri u mill-E.T. Il-President tar-Repubblika ta’ Malta Dr. Myriam Spiteri Debono li fl-aħħar spiċċat b’kummenti pożittivi favur il-prestazzjoni eċċellenti tal-Banda Ċittadina La Stella.

Kienu siltiet tassew impenjattivi li komplew jgħollu iktar l-fuq l-livell mużikali tal-Banda La Stella. Il-kunċert spiċċa bl-innu Nazzjonali, mużika tat-tabib Robert Sammut.