Join Us On:

News Archive

KUNĊERT ANNWALI MILL-BANDA LA STELLA

Il-bieraħ ġie fi tmiemu Festival Mediterranea 2019, li issa wasal fit-18 -il edizzjoni, permezz tal-Kunċert Annwali mill-Banda Ċittadina La Stella, li għall-ewwel darba kien taħt id-direzzjoni tas-Surmast Dr John Galea.

_JMJ0316

Il-kunċert beda billi ndaqqet La Forza del Destino ta’ Verdi, biċċa xogħol mhux faċli imma li l-banda tagħna irnexxielha ddoqq b’abilità kbira.   Wara ndaqqet Malta Rebbieħa tal-Prof Joseph Vella, li naturalment saret sinonima mal-banda tagħna peress li tintgħażel diversi drabi.  Dritt wara l-kunċert kompla bil-Macbeth, biċċa xogħol oħra li tirrikjedi ħila kbira mill-bandisti.  Ir-raba eżekuzzjoni kienet Mediterranea ta’ Mario Galea, klarinettista u solista fil-banda tagħna.  Il-kunċert kompla bl-eżekuzzjoni ta’ Fanfare Salute, kompożizzjoni ta’ Mro Dr John Galea u wara b’selezzjoni mill-musicals li nżammu fit-Teatru Astra fuq arranġament ta’ Mro Aurelio Belli.  Fl-aħħar ndaqqet l-overture ta’ William Tell, biċċa xogħol ġganteska għal banda kollha, speċjalment is-sezzjoni tal-qasba.

Matul is-serata sar diskors qasir mill-President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, s-Sur Michael Formosa, u fl-istess mumenti ingħata ġieħ lil xi bandisti bħala rikonoxximent għall-ħidma tagħhom.  Dawn kienu s-Sur Anton Sacco (bandist ghal omru) u s-Sur Joe Sacco (bandist onorarju).  Is-Sur Formosa irringrazzja lill-bandisti kollha għall-impenn li urew kif ukoll lis-Surmast Dr John Galea li b’tant ħila mexxa dan il-kunċert u t-tħejjijiet ta’qabel. Fl-aħħar, is-Sur Formosa sellem il-memorja tas-Sur Karistu Galea li ħalliena aktar kmieni din is-sena.

Il-kunċert spiċċa bid-daqq tal-Innu tal-Banda, l-Innu ta’ Għawdex u l-Innu Malti.

Prosit tassew ukoll lis-solisti li ħadu sehem;  Chiara Telleri (oboe), Mario Galea (clarinet), Robert Buttigieg (trumpet), Etienne Cutajar (horn), Ino Attard (Bb Baritone), Anthony Sacco (Euphonium) u George Camilleri (Euphonium).  Il-programme notes li tqassmu matul il-kunċert inkitbu minn Mario Galea.

Għal dan il-kunċert onorana bil-preżenza tiegħu s-sindku tal-Belt Victoria, s-Sur Josef Schembri.  Is-serata kienet ippreżentata minn Lorna Tabone.

(Ritratti: Joe Attard)