Join Us On:

News Archive

KUNĊERT ANNWALI MILL-BANDA LA STELLA

Il-bieraħ filgħaxija, il-Banda Ċittadina La Stella tellgħet programm mużikali fit-Teatru Astra, liema appuntament huwa meqjus  mill-aktar importanti fil-kalendarju annwali tagħha. Minkejja t-temp xejn sabiħ li kellna l-bieraħ, folla mdaqqsa attendiet għall-kunċert u l-apprezzament li wriet bl-applawsi fl-aħħar intwera li s-serata kienet waħda pjaċevoli u ta’ suċċess. Il-kunċert kien taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur il-Prof. Joseph Vella.

Matul is-serata ndaqqu numru ta’ biċċiet mużikali klassiċi ta’ livell għoli ħafna.  Il-programm fetaħ b’siltiet mill-musical Evita, tema relevanti ħafna in vista tal-musical li se jsir fl-istess teatru f’ Marzu li ġej.  Dritt wara ndaqqet ir-Ribera Oveture per Banda, tas-Surmast Gian Antonio Cinà, mużika li nkitbet fl-1898 u kienet iddedikata lill-Perit Pietru Attard, fundatur tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-ewwel president, li din is-sena qed infakkru l-100 sena minn mewtu. Il-programm kompla billi ndaqq arranġament għall-banda tal-opra AIDA ta’ Giuseppe Verdi.  F’din is-silta kellna dawn is-solisti: Jason Camilleri fuq it-trumpet, Tony Borg fuq l-althorn, Robert Buttigieg fuq il-flicorno, Anton Sacco fuq l-euphonium u Christine Gauci fuq is-saxophone soprano. Ir-raba’ biċċa li ndaqqet kienet Parade Of The Charioteers mill-film leġġendarju Ben Hur. Fl-aħħar nett il-programm spiċċa bil-kompożizzjoni tal-Prof. Joseph Vella Malta Rebbieħa li kienet tinkludi s-sehem tas-solisti Robert Buttigieg fuq it-trumpet u Josef Camilleri fuq il-horn.

Is-serata kienet ippreżentata mis-Sinjura Lorna Tabone u attendew għaliha l-Ministru għal Għawdex Dr. Anton Refalo, il-President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella is-Sur Pawlu Cassar u bosta membri tal-kumitat amministrattiv.  L-Arċipriet il-ġdid Mons. Joseph Curmi bagħat messaġġ li xtaq ħafna jkun preżenti imma minħabba li fl-istess ħin kellu attività tal-għeluq tas-servizz tiegħu ġewwa l-parroċċa tan-Nadur ma setax jattendi.

Minn din il-paġna nixtiequ nwasslu radd ta’ ħajr lill-bandisti tagħna  tal-impenn tagħhom matul is-sena.  Irridu niftakru li minbarra ftit ġimgħat lejn l-aħħar tas-sajf l-attività tal-banda tibqa’ sejra kull ġimgħa kemm jekk bħala kunċerti preparatorji kif ukoll bħala servizzi jew kunċerti annwali.  Radd il-ħajr imur ukoll lis-Surmast Direttur il-Prof Joseph Vella li minkejja l-impenji tiegħu ħejja lill-banda tagħna. Grazzi ukoll lill-Mro Noel Beck tal-għajnuna siewja tiegħu fil-preparazzjoni matul il-ġimgħat li għaddew.

(Ritratti: Joe Attard)