Join Us On:

News Archive

KUN PARTI MILL-FAMILJA TAL-ISTILLA

Permezz ta’ ittra mibgħuta mis-Soċjetà Filarmonika La Stella fid-djar tal-partitarji tagħha fil-belt Victoria, fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ġiet imnedija l-iskema għall-ġbir u t-tiġdid tas-soċji tagħha għas-sena 2010. Fl-istess ittra wieħed jista jsib spjegazzjoni dettaljata tal-iskop wara din l-iskema. 

Is-Soċjetà La Stella għandha ħafna għal qalbha is-soċji tagħha, u dana anke meta tikklassifikahom fuq quddiem nett fil-lista tal-benefatturi mill-aktar għeżież tagħha. 

Fl-ittra li ntbagħtet lill-partitarji, is-Soċjetà spjegat dwar kif u f’liema oqsma tas-Soċjetà l-imsieħba tagħha jkunu qed jikkontribwixxu. Issemmew bi prijorità l-festi esterni ta’ San Ġorġ, bl-entitajiet kollha involuti fit-tiswir tagħha, il-banda, l-iskola tal-mużika tas-Soċjetà, u l-inizjattivi kulturali u artistiċi li s-Soċjetà minn żmien għal żmien torganizza u tniedi.

Għal miżata ta’ €12.00 f’sena, is-soċju mhux biss ikun qed jikkontribwixxi b’risq il-festa, il-banda u dak kollu li hu kulturali u artistiku fis-Soċjetà, iżda jkun ukoll ferm aktar qrib il-ħajja tas-Soċjetà, meta dan se jkun imsejjaħ sabiex jgħin b’diversi modi, anke permezz ta’ ideat. 

L-imseħbin fis-Soċjetà jgawdu benefiċċji speċjali fil-każin. Is-soċji jingħataw sussidji fuq il-biljetti għal attivitajiet teatrali u soċjali, kif ukoll ikollhom id-dritt għall-uzu tal-parkeġġ tal-każin. 

Kull min jixtieq jissieħeb fis-Soċjetà Filarmonika La Stella bħala soċju tagħha, huwa mħeġġeġ jimla formola li hija mehmuza mal-ittra msemmija aktar kmieni u li aktar kopji tagħha jistgħu jinkisbu mill-uffiċċju amministrattiv tas-Soċjetà fil-kazin fi Triq ir-Repubblika, jew mill-uffiċċju parrokkjali tal-bazilika ta’ San Ġorġ, u jgħaddihom, flimkien mal-mizata ta’ €12.00, lil xi membru tal-kumitat ċentrali. Aktar tard, imbagħad, tintbaghat lill-imseħbin il-membership card tas-Soċjetà La Stella, bid-dettalji personali tas-soċju li jkunu mnizzlin fil-formola, flimkien ma’ irċevuta għad-donazzjoni.