Join Us On:

News Archive

KORRISPONDENZA RIGWARD IL-MARĊ TA’ NHAR STA MARIJA

Għall-benefiċċju tal-partitarji kollha tas-Soċjetà tagħna u tal-Parruċċani tal-bażilika ta’ San Ġorġ, qed nippubblikaw korrispondenza li ntbagħtet mis-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-Kunsill Amministrattiv tal-bażilika, rigward il-marċ provokattiv u skandaluż ta’ nhar Santa Marija filgħodu, liż-żewġ baned li aċċettaw l-istedina li jieħdu sehem fil-marċ imsemmi. Din il-korrispondenza ntbagħtu kopji tagħha lill-Arċisqof ta’ Malta, l-E.T. Pawlu Cremona; L-Isqof ta’ Għawdex, l-E.T. Mario Grech; lin-Nunzju Apostoliku; lill-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono; lill-Ministru ta’ l-Intern, l-Onor. Tonio Borg; lill-Kummissarju tal-Pulizija, Mr. John Rizzo, lill-Arċipriet, Parroċċa San Filep, Ħaż-Żebbuġ; lill-Kappillan, Parroċċa Sacro Cuor, Tas-Sliema; u lis-Supretendent Mario Bonello.

Soċjetà Filarmonika Sliema
Palazzo Sliema
34 St. Trophimus Street
Sliema

12th May Band and Social Club
Palazz San Filep
Triq Sciortino
Haż-Żebbuġ

20ta’ Lulju, 2007

Sinjuri,

Qegħdin niktbilkom għan-nom tal-Kunsill Amministrattiv tal-Bażilika ta’ San Ġorġ u tas-Soċjeta` Filarmonika La Stella. Dana peress li aħna ġejna infurmati li intom aċċettajtu l-istedina tas-Soċjetà Filarmonika Il Leone sabiex tieħdu sehem fil-marċ brijuż ta’ fil-għodu ta’ nhar Santa Marija.

Ninfurmawkom illi dan l-istess marċ huwa wieħed skandaluż u ostili fil-kontront tal-Bażilika ta’ San Ġorġ u tas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Dana stante li l-istess marċ jgħaddi mill-pjazza tal-Knisja u fih – ta’ kull sena u mingħajr eċċezzjoni – isiru insulti u offiżi kontra Qaddis meqjum mill-Knisja Universali, kontra knisja parrokkjali u kontra l-komunità Nisranija tagħha.

In oltre, ninfurmawkom li l-ebda Banda Għawdxija ma hi se tissieħeb f’dan il-marċ. Ninfurmawkom ukoll li l-Korp tal-Pulizija, inklużi l-ogħla awtoritajiet tiegħu, huma kontra li dan il-marċ brijuż jgħaddi minn Pjazza San Ġorġ. Barra minn dan, l-Isqof ta’ Għawdex lanqas irid li dan il-marċ jgħaddi minn rotta li tinkludi Pjazza San Ġorġ għax imur kontra r-regolamenti tad-djoċesi.

Dan qed ngħiduhulkom biex tkunu tafuh u biex tkunu tafu wkoll li aħna nqisu l-parteċipazzjoni tagħkom bħala att ostili fil-konfront tal-Komunità Parrokkjali ta’ San Ġorġ u tal-partitarji tas-Soċjetà Filarmonika La Stella.

Insellu għalikom,

Dolindo Cassar
Segretarju
Soċjetà Filarmonika La Stella

Antoine Vassallo
Kunsill Amministrativ
Bażilika San Gorg