Join Us On:

News Archive

KJARIFIKA MIS-SOĊJETA FILARMONIKA LA STELLA

B’referenza għall-fatti li ġraw nhar il-Ħadd 29 ta’ April, meta il-banda il- Leone, waqt li kienet qed tikkomemora l-għotja tal-vara ta’ Marija Assunta lill-parroċċa ddedikata Lilha, daqqet marċi li jevokaw l-Antifona ta’ San Ġorġ u anke’ l-innu tal-Banda La Stella, qed issir din il-kjarifika mis-Soċjetà Filarmonika La Stella.
Fil-ġranet li għaddew il-Kapitlu tal-Bażilika ta’ San Ġorġ ħareġ stqarrija ta’ kundanna dwar dan l-inċident, stqarrija li ġiet ukoll rrappurata fis-sit tas-Socjetà Filarmonika La Stella. Is-Socjetà Filarmonika La Stella terġa ttenni li tqis din l-provokazzjoni bħala gravi, inutli u sproporzjonata u f’dan is-sens qed isir rapport lill-Pulizija. Fid-dawl tal-istaġun tal-festi li ġej, dan l-għemil hu kundannabbli doppjament.
Wieħed setgħa jinterpreta l-azzjoni tal-Banda il-Leone bħala ritaljazzjoni għad-daqq tal-marċ funebri bl-isem ta’ La Croce li l-Banda Konti Ruġġieru daqqet waqt il-purċissjoni il-Ġimgħa l-Kbira tal-Bażilika ta’ San Ġorġ ta’ din is-sena. Mid-dikjarazzjonijiet li saru u intalbu jirriżulta li dan il-marċ indaqq fuq inizzjattiva tal-Banda Konti Ruġġieru.
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella tixtieq tagħmel refernza għas-sekwenza ta’ fatti li segwew . Wara li l-Banda Konti Ruggieru daqqet il-marċ La Croce, sar kuntatt bejn il-President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-President tal-Banda il-Leone, fejn ġie nnutat li d-deċiżjoni li jindaqq dan l-marċ kienet meħudha mill-Banda Konti Ruġġieru, kif eventwalment wara ġie konfermat, u fl-ebda ħin is-Soċjetà Filarmonika La Stella ma kellha xi sehem  fid-daqq tal-marċ La Croce. Bil-kuntrarju ta’ kif gie rappurtat f’ xi bnadi, f’dan il-kuntatt ma saret ebda tip ta’ ammissjoni, anke’ għax dan setgħa jew jista’ jagħmlu biss minn kien parteċipi b’mod dirett fl-azzjoni allegatament offensiva, allura, il-Banda Konti Ruġġieru.
In vista ta’ dan il-banda il-Leone irreaġixxiet billi għamlet, b’mod uffiċjali, attakk bla ġustifikzzjoni kontra San Ġorġ, l-parroċċa ddedikata lilu u s-Soċjetà Filarmonika La Stella. Nifmhu li fid-dawl ta’ din il-kjarifika l-interpretazzjoni tar-reazzjoni tal-Banda il-Leone hi aktar gravi.
Is-Socjetà Filarmonika La Stella mill-ġdid tingħaqad mal-Kapitlu tal-Bażilika ta’ San Ġorġ fl-appell sinċier li sar biex iż-żewġ festi għeżież tar-Rabat isiru b’dinjità u jħallu ġid spiritwali u ma jservux biex jinstigaw okkażjonijiet ta’ niket. Dawn għandhom jirriflettu imġieba li tirrispetta l-prinċipji tal-ġustizzja, tal-verità u tar-rispett reċiproku.
In linea ma’ din l-istqarrija is-Socjetà Filarmonika La Stella għal darb’oħra terġa’ ttenni l-pożizzjoni tagħha li, hekk kif dejjem għamlet fil-passat, hija qatt m’hi ser tuża il-festi esterni f’gieħ San Ġorġ bħala okkażjoni ta’ disprezz lejn il-Qaddisin.