KANTANTI EĊĊELLENTI GĦAL LUCIA DI LAMMERMOOR FIT-TEATRU ASTRA
It-tmexxija tat-Teatru Astra bi pjaċir tħabbar cast ta’ fama nternazzjonali għall-kapulavur tal-bel canto mill-pinna ta’ Gaetano Donizetti; Lucia di Lammermoor. Il-parti titulari ta’ Lucia se tiġi nterpretata minn Serenad Burcu, sopran b’vuċi rikka u soda; karatteristiċi li jevokaw saħħa mpressjonanti u jpaxxu widnejn l-udjenza. Dan kollu flimkien ma` intonazzjoni preċiża ma jħallu l-ebda raġġ ta’ dubju fl-għażla tagħha fl-aqwa teatri tal-Ewropa għal dan ir-rwol; xejn inqas fit-Teatru Astra. Giulio Pelligra se jkun qed jakkumpanjaha fil-parti ta’ Edgardo, tenur tal-iskola klassika taljana tant imfittxija mid-dilettanti tal-opra, mogħni b’vuċi ċara li poġġietu mal-lista tat-tenuri l-iktar maħbubin mill-udjenzi. L-era tal-bel canto hija magħrufa fost l-oħrajn għall-faxxinu b’ kant eleganti u kkulurit, cioe’ dak kollu li wieħed isib fil-baritonu russu Boris Pinkhasovich, b’timbru għall-interpretazzjonijiet sensazzjonali tal-parti ta’ Enrico, liema rwol dejjem ħadem bl-ogħla livell ta` eleganza u maestrija. Għal din l-opra, t-Teatru Astra se jkun qed jara r-ritorn tal-baxx Dario Russo fil-parti ta’ Raimondo, li l-interpretazzjoni sensazzjonali tiegħu fil-parti ta’ Orveso (fost l-oħrajn) kienet mostra ta’ grandjozita’ fl-aqwa tagħha.
It-Teatru Astra minn dejjem kien strumentali biex mexxa l-quddiem kantanti lokali promettenti. Eżempju magħruf minn kulħadd huwa t-tenur li għamel ġieħ lil pajjiżna Joseph Calleja, li ddebutta fit-Teatru Astra propju għoxrin sena ilu. Tenur ieħor li għaliħ it-Teatru Astra sar kważi t-tieni dar huwa Cliff Zammit Stevens, kantant bi kredenzjali indiskutibbli fejn jidħol il-bel canto. Dan tal-aħħar se jinterpreta l-parti ta’ Arturo. Il-vuċi fluwenti u naturali flimkien mal-karattru simili tiegħu huma mistennija jikkumplimentaw tajjeb ħafna dawk tal-kantanti l-oħrajn. Dan ċertament huwa garanzija ta’ opra memorabbli. It-tmexxija ħadet ħsieb tingaġġa wkoll kantanti mill-aqwa għal-rwoli sekondarji bħal dak ta’ Alice li se jiġi nterpretat minn Marvic Monreal, u Normanno minn Bernard Busuttil.
Lucia di Lammermoor se ssir nhar is-26 u 28 t’ Ottubru fit-Teatru Astra. Wieħed jista’ jibbukkja online fuq www.teatruastra.org.mt jew iċempel fuq 21550985.