Join Us On:

News Archive

JUM STORIKU GĦAL PAJJIŻNA: IL-KANONIZZAZZJONI TA’ L-EWWEL QADDIS MALTI…SAN ĠORĠ PRECA

Illum il-Ħadd 3 ta’ Ġunju, 2007 – data li ser tibqa’ fil-memorja tagħna l-Maltin u l-Għawdxin kollha – il-ġurnata li fiha saċerdot Malti Dun Ġorġ Preca (1880-1962) ser jiġi dikjarat qaddis…l-ewwel qaddis Malti!

Aktar minn 5,000 elef ruħ telgħu l-Vatikan, biex isegwu aktar mill-qrib il-funzjoni li fiha l-Papa Benedittu XVI ser jiddikjara lil San Ġorġ Preca bħala l-ewwel qaddis Malti. M’hemmx dubju li llum il-poplu kollu Malti u Għawdxi ser jingħaqad biex isegwi din il-funzjoni minn fuq is-settijiet tat-televiżjoni, fejn diversi stazzjonijiet ser ixandru b’mod dirett din il-funzjoni indimentikabbli li ser tibda fl-10.00 ta’ filgħodu.

Għalina l-Ġorġjani, m’hemmx dubju, huwa ta’ unur kbir li l-ewwel qaddis Malti jġib l-istess isem tal-Martri ta’ Lydda, il-qaddis Patrun u Protettur ta’ l-Għawdxin San Ġorġ Megalomartri. Fost dawk l-eluf ta’ Maltin li qegħdin il-Vatikan, insibu l-Kor tal-Bażilika ta’ San Ġorġ ta’ beltna, ‘Laudate Pueri’ taħt il-gwida ta’ Dun George J. Frendo u Dr Maria Frendo, li ser janima fil-quddiesa. Mal-kor hemm ukoll preżenti l-Arċipriet tal-bażilika Mons. Ġużeppi Farrugia. Huwa ta’ unur ukoll għalina li d-direttur spiritwali tas-Soċjetà ‘La Stella’, Mons. Salv Borg, ser ikun qed jieħu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni tal-kanonizzazzjoni, bħala rappreżentant tas-Soċjetà tal-Museum f’Għawdex. L-Isqof tagħna Mons. Mario Grech, flimkien ma’ l-Arċisqof ta’ Malta Mons. Pawlu Cremona, u l-Arċisqof Emeritus Mons Guzeppi Mercieca ser ikunu fost il-konċelebranti.

Għalina l-Għawdxin, nhar it-Tlieta 5 ta’ Ġunju, ser tkun ġurnata oħra memorabbli. F’din il-ġurnata ser tinġieb fil-gżira tagħna r-relikwa ta’ dan il-qaddis. Ir-relikwa ser tasal fil-port ta’ l-Imġarr għall-ħabta tat-3.30pm. Ser isiru żjarat f’diversi parroċċi u mbagħad għall-ħabta tas-6.00pm din ir-relikwa ser tasal fil-bażilika ta’ San Ġorġ. Fis-6.30pm mill-bażilika ser titlaq translazzjoni bir-relikwa ta’ San Ġorġ Preca lejn il-knisja katidrali, fejn hemm issir konċelebrazzjoni solenni. Il-Ħamis 7 ta’ Ġunju ser jiġi organizzat pellegrinaġġ minn Għawdex għal fuq il-Fosos tal-Furjana, fejn ser issir ċelebrazzjoni ta’ Radd il-ħajr f’din l-okkażjoni tal-Kanonizzazzjoni ta’ San Ġorġ Preca.

L-Isqof tad-djoċesi tagħna l-E.T. Mons. Mario Grech qed isejjaħ lill-poplu nisrani biex bħal San Ġorġ Preca nkunu bnedmin ta’ Alla f’kull sens. Dan l-avveniment storiku għandu jgħaqqadna bħala nazzjon u għalhekk ejjew ilkoll naħdmu biex nimxu fuq l-istess passi ta’ Dun Ġorġ Preca – saċerdot li għamel ħidma fejjieda fit-tagħlim tal-kelma t’Alla.

Ritratti: Soċjetà tal-MUSEUM