Join Us On:

News Archive

JUM MEMORABBLI GĦAT-TEATRU ASTRA

Il-bieraħ filgħaxija kien jum memorabbli għat-Teatru Astra li għad irid jibqa’ mmarkat fl-istorja tas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Identity of an Island, Gozo: Art between Past and Present huwa l-isem tal-proġett li fih kien jinkorpora x-xogħolijiet ta’rinnovar tal-foyer u l-aspett artistiku, bil-ftuħ ta’ esebizzjoni ta’ arti kontemporanja u seminar akkademiku.  Il-proġett kien parzjalment iffinanzjat taħt il-programm LEADER, imħaddan mill-Gozo Action Group, liema proġett gawda minn finanzjament minn fondi tal-Unjoni Ewropeja, investiment privat, kif ukoll investiment mis-Soċjetà Filarmonika La Stella stess.  Partners f’dan il-proġett kien hemm is-Soċjetà Filarmonika La Stella, is-Sur Andrew Portelli u l-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria.

Il-jum kien memorabbli għal bosta raġunijiet:

L-ewwel nett dan l-avveniment immarka t-tmiem ta’ ħafna xogħolijiet ta’ rinnovar, titjib fl-infrastruttura, l-estetika u l-aċċessibilità tal-Każin La Stella u t-Teatru Astra.  Dawn ix-xogħolijiet saru fuq disinn tas-Sur Ruben Formosa fejn irnexxielu jinkorpora l-istil preċedenti ma’ features moderni filwaqt li żamm ir-‘ruħ’ ta’ każin tal-banda.

It-tieni raġuni għaliex dan il-jum kien importanti huwa għax fih infetħet esebizzjoni ta’ arti kontemporanja Alternative Perspectives, kurata minn Dr Mark Sagona, liema esebizzjoni ċertament hija waħda mill-aktar importanti li qatt saru fil-gżejjer Maltin.  Dr Segona ġabar taħt saqaf wieħed numru rekord ta’ artisti Għawdxin, Maltin u anke barranin fejn kollha ippreżentaw xogħol artistiku kontemporanju u taw perspettiva differenti tal-gżira Għawdxija.  Ix-xogħolijiet tal-arti huma varjati u jinkludu pittura, skultura, installations, moda, vidjografija u fotografija.  Alternative Perspectives hija biss parti mill-attività Identity of an Island, Gozo: Art between Past and Present.  Attività oħra importanti li għada trid issir hija konferenza li ġġib l-isem The Artistic Legacy of Gozo li se ssir nhar is-Sibt 14 ta’ Mejju 2022 bejn id-09:30 u 13:00.  Il-konferenza se tinkludi diversi interventi minn nies akkademiċi mill-Università ta’ Malta.  Aktar dettalji wieħed isibhom fis-sit elettroniku www.identityofanisland.com. Din l-esebizzjoni kellha kunċett innovattiv fejn għall-ewwel darba ma ntużawx biss spazji tradizzjonali għall-esebiti, imma ntuża l-Foyer u l-madwar, inkluż l-awditorju tat-Teatru Astra, fuq il-palk, wara l-palk, l-orchestra pit u spazji oħra.

Dan l-avveniment jibqa’ mfakkar ukoll minħabba l-attendenza numeruża li mliet kull rokna tat-Teatru u l-foyer.  Ix-xogħol professjonali li sar minn kull min kien involut ħa l-akbar premju li seta’ jieħu –  l-approvazzjoni u l-inkoraġġiment tal-pubbliku.  It-Teatru Astra kien għal darb’oħra protagonista fil-qasam kulturali ta’ pajjiżna eżattament bħalma kien fl-1968 meta fetaħ il-bibien tiegħu l-ewwel darba.

Is-serata fetħet b’diskors mis-Sur Michael Formosa, President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, fejn immarka dan il-jum bħala wieħed mill-aktar importanti mhux għall-Belt Victoria biss, jew għal Għawdex biss, imma għal Malta kollha.  Huwa rringrazzja lid-diversi kollaboraturi u d-diversi entitajiet li emmnu f’dan il-proġett u li issa qed jaraw il-frott tiegħu.  Warajh tkellem is-Sur Joe Cordina, Chairman tal- Gozo Action Group.  Is-Sur Cordina saħaq dwar l-importanza tal-programm LEADER li taħtu dan il-proġett rebaħ fondi mill-Unjoni Ewropeja.  Is-Sur Cordina tkellem dwar l-importanza ta’ investiment bħal dan li ċertament huwa ta’ benefiċċju għall-ekonomija tal-gżira tagħna.  Dritt wara kien imiss id-diskors tal-ftuħ ta’ Dr Mark Sagona, li sejjaħ dan il-proġett bħala ‘ħolma’ li huwa kellu u li l-bieraħ filgħaxija saret realtà.  Dr Sagona, li huwa l-kuratur ta’ din l-esebizzjoni u d-direttur artistku tagħha, semma li huwa ta’ sodisfazzjon enormi tara disgħa u għoxrin artist kollha miġbura taħt saqaf wieħed, juruna d-diversi faċċati u perspettivi ta’ kif huma jaraw lil Għawdex illum, f’idjoma kontemporanja.

Nirringrazzjaw lil dawk kollha li onorawna bil-preżenza tagħhom matul il-ġurnata, fosthom lill-Onor. Dr Joe Etienne Abela, Ministru għall-Anzjanità Attiva li kien preżenti filgħodu, lill-Onor. Dr Alex Borg, Membru Parlamentari, lis-Sindku tal-Belt Victoria s-Sur Josef Schembri, liċ-Chairman tal-Gozo Action Group, is-Sur Joe Cordina, is-Surmast Direttur Dr John Galea, s-Sur John Xuereb, direttur tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, membri tal-kumitat tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, artisti, partitarji u l-pubbliku ġenerali.

Dan il-proġett sar ukoll bil-għajnuna tal-Kunsill Malti għal-Volontarjat – permezz tal-‘NGO Co-financing Fund’ mmexxi mill-Ministeru għal-Inkluzjoni, l-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur.

Ritratti: Joe Attard