JITTELLA’ GĦAT-TMIEN SENA FESTIVAL MEDITERRANEA
Għat-tmien sena konsekuttiva, It-Teatru Astra f’Għawdex se jtella’ edizzjoni oħra tal-Festival Mediterranea – ġimgħatejn mimlija arti, kultura, żfin, storja, arkeoloġija, snajja lokali, ikel, inbid u fuq kollox opra tal-ogħla livell. Bl-akbar attività matul dan il-festival hi bla dubju l-opra Rigoletto ta’ Giuseppe Verdi, li se titella’ nhar il-Ħamis 29 u s-Sibt 31 ta’ Ottubru fit-Teatru Astra fil-belt Victoria.
Il-lista tal-kast tinkludi artisti internazzjonali ta’ fama li se jirritornaw fit-Teatru Astra fosthom il-baritonu Peter Danailov u t-tenur Taljan Antonino Interisano li ħa sehem f’diversi opri kemm fl-Italja iżda wkoll f’pajjiżna fosthom Turandot fl-2008 u f’Pagliacci fl-2006.
Is-sopran Miriam Cauchi wkoll se tkun qed taħdem f’parti ewlenija f’din l-Opra. Dwar dan tkellimna mad-Direttur Mużikali tat-Teatru Astra u tal-Festival Mediterranea s-Surmast Joseph Vella, li fissrilna ukoll kif attivitajiet bħal dawn jesponu l-pontenzjal u t-talent lokali.
F’din l-Opra se tieħu sehem l-orkesta Nazzjonali Filarmonika li se titmexxa mill-Maestro Joseph Vella, filwaqt li Maria Frendo qed tħarreġ il-Kor Operistiku tat-Teatru. Dan kollu taħt d-direzzjoni artistika tat-Taljan Mario Corradi.
Wara kull serata operistika għal darb’oħra se ssir l-ikla filgħaxija – Dinner with the stars, fejn dawk li se jattendu s-serata tal-opera huma mistiedna għal festa ta’ ikel Mediterranju u inbid. Il-Programm tal-Fesitval Mediterranea tnieda waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-kwartieri ġenerali tal-Bank of Valletta. Attivitajiet oħra, tul dan il-festival jinkludu żjarat kulturali u kunċerti.
Booking għall-attivitajiet kollha jistgħu jsiru mit-Teatru Astra jew minn wieħed mill-ħwienet awtorizzati f’Malta u Għawdex, iżda għall-ewwel darba, it-Teatru Astra u l-Bank of Valletta se joffru servizz ta’ faċilità ta’ online booking mis-sit elettroniku tal-Festival.
Għal iktar informazzjoni ċemplu fuq 21550985 jew 99883007 jew ibgħatu email fuq : [email protected]
kitba ta’ Yolande Spiteri | www.maltarightnow.com