JITĦABBAR IL-CAST TAL-OPRA TOSCA ĠEWWA T-TEATRU ASTRA
Teatru Astra jħabbar l-artisti għall-opra rinomata Tosca
L-opra ċelebri Tosca, ser tiġi mtella’ fit-Teatru Astra nhar il-Ħamis 23 u s-Sibt 25 ta’ Ottubru. Martina Serafin ser tinterpreta l-parti ċentrali ta’ Floria Tosca. Serafin twieldet ġewwa l-Awstrija għand familja ta’ mużiċisti. Hi studjat ġewwa l-Konservatorju ta’ Vienna taħt it-tutelaġġ ta’ Otto Edelman. Serafin għamlet id-debutt tagħha fl-operetti imbagħad iddebbuttat fl-opera ġewwa Teatru ta’ Graz u dak ta’ Stuttgart fejn malajr kisbet fama mondjali ta’ Sopran speċjalment għall-interpretazzjoni tagħha ta’ dan ir-rwol. Fost it-teatri li kantat fihom insibu dawk ta’ Ruma u Firenze, il-Covent Garden, l-Arena di Verona, La Scala, Caracalla, il-Paris Opera, Vienna Stattsoper, kif ukoll ġewwa Berlin, Melbourne, Beijing u Montecarlo.
Dario di Vietri, artist rinomat għall-vuċi qawwija u għall-preżenza drammatika tiegħu fil-palk, ser jinterpreta l-parti ta’ Mario Cavaradossi. Huwa studja fil-Konservatorju ta’ Milan u fl-Iskola tal-Opra Taljana ġewwa Bolonja fejn studja taħt idejn artisti ċelebri bħal Katia Ricciarelli, Jaume Aragall u Luciano Pavarotti. Bid-debutt tiegħu fl-irwol ta’ Pinkerton fl-opra Madame Butterfly beda karriera illustri fejn saħħar l-udjenzi fl-aqwa teatri mondjali fosthom l-Arena di Verona, Teatro San Carlo ġewwa Napli, Teatro del Opera di Roma, La Scala, National Opera ta’ Ateni, Seaol Arts Centre u l-State Opera ta’ Vienna. L-iżjed rwoli li hu sinonimu magħhom huma dawk ta’ Calaf (Turandot), Radamès (Aida), Cavaradossi (Tosca), Don José (Carmen) Samson (Samson et Dalila) Turiddu (Cavalleria Rusticana) Riccardo (Un Ballo in Mascara) u Manrico (Trovatore)
Għal darb’oħra Teatru Astra ser jilqa’ lil Badral Chuluunbaatar fuq il-palk tiegħu fejn ser jinterpreta l-parti tal-Baruni Scarpia. Chuluunbaatar huwa meqjus bħala wieħed mill-baritoni l-iżjed promettenti ta’żmienu. Huwa beda l-istudju tiegħu ġewwa art twelidu l-Mongolja fejn kompla jitħarreġ ġewwa l-Akkademja Mużikali Russa Gnessin fil-Moska. Hu rebaħ diversi kompetizzjonijiet internazzjonali fosthom dawk ta’ Rimsky-Korsakov, Bibigul Tulegenova u dak ta’ Eva Martin. Chuluunbaatar għamel id-debutt tiegħu fl-Italja fl-2019 ġewwa t-Teatru La Scala u kompla bil-prestazzjonijiet impressjonanti tiegħu fl-Arena di Verona u ġewwa t-Teatri Massimo ta’ Palermo, Petruzzelli ta’ Bari, u Mariinsky ta’ San Pietruburgu fir-Russja. Minkejja l-età żagħżugħa tiegħu Chuluunbaatar diġà interpreta diversi rwoli prinċipali fl-opri fosthom Amonasro (Aida) Vermont (La Traviata) Alfio (Cavalleria Rusticana) Don Carlo (Ernani) Rigoletto (Rigoletto) Gèrard (Andrea Chérnier) u Tonio (Pagliacci)
Teatru Astra ser jkompli bit-tradizzjoni tiegħu li jagħti spazju lill-artisti lokali, hekk kif Noel Galea ser jinterpreta l-parti ta’ Angelotti, Louis Andrew Cassar dik tas-sangristan Angelo Muscat ta’ Spoletta, Ivan Vella ta’ Sciarrone, Alessandro della Morte tal-gwardjan tal-ħabs u Jamie Sciberras bħala r-rgħaj.
Il-produzzjoni ser tkun taħt id-direzzjoni tad-direttur rinomat Taljan Enrico Stinchelli, filwaqt li s-surmast ser ikun ħadd inqas minn Mro Dr John Galea, is-surmast direttur tal-Banda Ċittadina La Stella. Francis Camilleri ser jmexxi għall-ewwel darba il-kor tal-opra tat-Teatru Astra filwaqt li Matteo Capobianco u Joseph Cauchi ser jkunu jmexxu tim ta’ voluntiera fil-vestwarju u xenografija rispettivament.
Bil-kalibru ta’ artisti u voluntiera li t-Teatru Astra għandu għal din il-produzzjoni żgur li ser jkompli joffri spettaklu u jikkonsolida postu bħala wieħed mit-teatri ta’ kalibru fl-Ewropa.
Din l-opra ħa tiġi mtella’ grazzi għall-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti, Il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u tal-Bank of Valletta
Biljetti jistgħu jinkisbu minn fuq www.teatruastra.org.mt





