Join Us On:

News Archive

JINGĦATA BIDU GĦAL “GOZO 1234”

Wara s-suċċess kbir li kien intlaħaq fl-ewwel edizzjoni ta’ Notte Gozitana, din is-sena reġa’ ġie deċiż li din l-attività kulturali fil-gżira Għawdxija terġa’ tiġi organizzata. Proprju llum hija l-ewwel ġurnata minn erbgħa ta’ dan l-avveniment imsejjaħ “Gozo 1234” – erbat ijiem mimlija b’attivitajiet l-aktar fil-belt Victoria, li kif inhu mistenni għandhom jiġbdu numru kbir ta’ turisti u ta’ Maltin lejn il-gżira tagħna.

M’hemmx dubju li wieħed mill-attrazzjonijiet ewlenin f’dawn il-jiem ser ikun proprju t-Teatru Astra, it-teatru tas-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ li l-qagħda tiegħu fiċ-ċentru tal-belt bla dubju tgħin biex jiġbed lejh aktar nies. Intant is-Soċjetà ‘La Stella’ għal darb’oħra wara s-suċċess tas-sena l-oħra, qed torganizza spettaklu mtella’ mill-grupp teatrali ZOO fit-teatru Astra. Fl-istess waqt il-grupp ‘Curtain Raiser’ ser ikun qed itella’ spettaklu ieħor għat-tfal bl-isem “Disney Cabaret Live” fis-sala Giuseppe Giardini Vella. Dawn ser isiru nhar is-Sibt 3 ta’ Mejju filgħaxija.

ZOO BOOM l-isem magħżul għall-ispettaklu ta’ ‘Zoo’ ser jittella’ għal ħames darbiet bejn it-8.00pm u 12.30am. Kull show ser idum għal madwar tletin minuta. Il-ħinijiet ta’ kull show huma dawn: fit-8.00pm; fid-9.00pm; fl-10.00pm; fil-11.30pm u f’12.30am. Il-prezz tad-dħul huwa ta’ € 3. ZOO BOOM huwa sponsorjat minn Heineken.

Il-produzzjoni l-oħra li ser tittella’ fl-istess ħinijiet ta’ ‘Zoo Boom’ ser issir fis-Sala Giardini Vella fl-istess kumpless. Din il-produzzjoni li hija sponsorjata mill-Kunsill Lokali tal-belt Victoria, hija mmirata għat-tfal kollha li jħobbu l-karattri kollha ta’ Disney, b’siltiet mill-isbaħ tal-musical popolari “Disney re-Tuned”. . Kull show ser idum għal madwar tletin minuta. Il-prezz għad-dħul huwa ta’ € 3 ukoll. Il-ħinijiet ta’ dan l-ispettaklu li ser jittella’ għal aktar minn darba huma: fis-7.00pm; fit-8.00pm u fid-9.00pm.

Min irid jattendi għaż-żewġ ‘shows’ jista’ jagħmel dan għall-prezz ridott ta’ € 5. Ghal aktar infomazzjoni kkuntattjawna fuq [email protected] jew cemplu 7955 0058

Nistiednu lil kulħadd biex jattendi. Id-divertiment huwa garanzija mal-grupp ZOO u għalhekk titilfuhx. Aħsbu kmieni għall-biljetti!

Intant attrazzjoni oħra f’dawn il-jiem f’beltna ser tkun bla dubju l-bażilika urbana ta’ San Ġorġ Martri, ukoll fil-qalba tal-belt. Is-Sibt filgħaxija, l-aktar ġurnata li mistennija tiġbed nies lejn beltna, ser jittella’ kunċert mill-kor tal-bażilika ‘Laudate Pueri’ fit-8.00pm. Il-kor ser ikun taħt id-direzzjoni ta’ Dun George J. Frendo. Barra dan ser tkun għaddejja wirja ta’ l-arti u storja fis-sala ‘San Mikiel’ fiċ-ċentru parrokkjali. Filgħaxija wkoll ser isiru numru ta’ “guided tours” li għalihom mistennija jattendu numru sabiħ ta’ nies, l-istess bħalma ġara s-sena li għaddiet tul ‘Notte Gozitana’. Il-bażilika ta’ San Ġorġ hija waħda mill-isbaħ ġojjelli fi gżiritna u żgur li f’dawn il-jiem ħadd m’għandu jitlef l-okkażjoni li jżurha. Intant, mit-8..00pm ‘il quddiem dawk li jżuru l-bażilika ser ikollhom l-aċċess għall-bejt tal-bażilika fejn minn hemm fuq ikunu jistgħu jgawdu l-ispettaklu kbir tal-logħob tan-nar, akkumpanjat minn ikel u inbid tradizzjonali Malti.