JIFTĦU L-FESTI ĊINKWANTENARJI
F’dawn il-jiem, fil-belt Victoria ġie ċċelebrat bl-akbar pompa l-jum liturġiku tal-Patrun ta’ beltna u protettur tal-gżira Għawdxija San Ġorġ Megalomartri – festi li bdew proprju b’velja ta’ talb lejlet il-festa. Din il-velja li għaliha attendiet folla mdaqsa ta’ parruċċani kienet suċċess kbir. Velja oħra simili kienet saret lura fl-2003 meta ċċelebrajna s-sbatax-il ċentinarju tal-martirju tal-patrun tagħna. Il-velja saret fi pjazza San Ġorġ bis-sehem tal-kapitlu Ġorġjan immexxi mill-arċipriet Mons. Pawlu Cardona, il-kor tal-bażilika ‘Laudate Pueri’ immexxi minn Dun George J. Frendo u l-banda ċittadina u dekana ‘La Stella’. Għal din il-velja nħarġet ukoll l-istatwa artistika u devota ta’ San Ġorġ fil-bieb ewlieni tal-bażilika – xenarju mill-isbaħ għalina l-Ġorġjani li tant u tant ngħożżu dan il-kapulavur li jmur lura għas-sena 1838, l-ewwel statwa titulari fi gżiritna.
Din il-velja fetħet uffiċjalment il-festi ċinkwantenarji tal-bażilika Ġorġjana, li ser ikomplu għaddejjin kemm f’Lulju li ġej u anke f’Settembru meta titfakkar il-ġurnata proprja tal-ħamsin anniversarju minn meta l-Proto-parroċċa ġiet mgħollija għad-dinjità ta’ bażilika.
Matul il-velja li għaliha attendew ukoll l-ogħla awtoritajiet ta’ gżiritna fosthom il-ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono, is-sindku ta’ beltna Robert Tabone u mart l-speaker tal-kamra tad-deputati s-sinjura Tita Tabone. Il-banda ‘La Stella’ tat is-sehem tagħha billi daqqet l-innu tal-ftuħ ‘Deus tuorum militum’ u wara daqqet ukoll l-innijiet ‘Georgius Natus Est’ u l-innu marċ ‘Lil Kbir Martri San Ġorġ’ fost iċ-ċapċip kontinwu tal-folla preżenti.
Mad-daqq ta’ l-innu reliġjuż ‘Georgius Natus Est’ infetħu l-bibien tal-bronż tal-bażilika u ħarġet l-istatwa titulari, merfugħa fuq l-ispalla fost iċ-ċapċip tal-folla u l-isparar tas-salut minn fuq l-għolja ta’ Gelmus mill-Għaqda tan-Nar tas-Soċjetà tagħna. Intant, hawn wieħed irid isemmi l-ħidma kbira li saret minn din l-għaqda biex kemm lejlet u anke f’nhar il-festa tul il-ġurnata kollha ġew sparati numru kbir ta’ murtali li komplew żejnu dawn il-jiem ta’ festi.
Tul il-velja nqraw siltiet mill-ktieb ‘Aġjografija Ġorġjana’ miktub mill-arċipriet emeritu u kappillan tal-banda tagħna, Mons. Ġużeppi Farrugia; il-kor ‘Laudate Pueri’ kanta wkoll numru ta’ siltiet ta’ mużika sagra; u sar talb speċjali li ntemm bil-barka sagramentali fil-pjazza. L-istatwa ddaħlet lura fil-bażilika fi tmiem il-velja fost id-daqq mill-isbaħ tal-qniepen tal-bażilika, sparar ta’ murtali tal-kulur, u d-daqq ta’ l-innu “Ġorġi tagħna!”.
Il-festi komplew l-għada, it-23 jum tax-xahar t’April, fejn il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet kienu filgħaxija meta hekk kif intemm l-għasar solenni, ngħata bidu għal pontifikal immexxi mill-E.T. Mons. Nikol Ġ. Cauchi, Isqof emeritu u dekan emeritu tal-Kolleġġjata Ġorġjana, bis-sehem ta’ l-orkestra u l-kor ‘Laudate Pueri’ taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, maestro di cappella.
Hekk kif intemm il-pontifikal ngħata bidu għal marċ brijuż mill-banda ċittadina u dekana ‘La Stella’ li akkumpanjat l-istatwa ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel, li normalment toħroġ fl-ewwel dimostrazzjoni tal-festa ta’ Lulju. Matul il-marċ indaqqu numru ta’ marċi mis-sett ‘tal-brijużi’ fosthom il-marċi: ‘Storbju’ tas-surmast Vella; ‘Pascalino’ ta’ Archibald Mizzi; ‘Barigozzi’ ta’ Ray Fenech; u ‘La Senora Rita’ tal-Maġġur Anthony Aquilina. Fil-bidu u fi tmiem il-marċ bla dubju ndaqq l-innu marċ ‘Lil Kbir Martri San Ġorġ’ ta’ Ciappara.
Kienu jiem sbieħ ta’ festa u l-entużjażmu kbir li rajna f’dawn il-jiem jawgura tajjeb għal tnax-il ġimgħa oħra meta nkunu qed niċċelebraw festi akbar – festi kbar u eżemplari f’ġieh il-Patrun u Protettur tagħna: il-kbir tal-Martri, San Ġorġ!
Appuntament għal-Lulju 2008!!