Join Us On:

News Archive

JIFTAĦ L-ISTAĠUN TAL-FESTI 2009

Il-bieraħ, l-aħħar jum u l-aħħar Ħadd tax-xahar ta’ Mejju, fetaħ l-istaġun tal-festa f’Għawdex, b’żewġ festi: Sant’ Antnin f’Għajnsielem u dik ta’ San Pawl Nawfragu fir-raħal tal-Munxar. Mal-ftuħ ta’ dan l-istaġun, bdew ukoll l-impenji numerużi għall-banda La Stella f’dawn it-tliet xhur li ġejjin. Il-banda tagħna, bħal kull sena, kienet mistiedna biex tieħu sehem fil-festa ad unur San Pawl fil-Munxar, raħal marbut sew mas-Soċjeta’ tagħna. Il-banda bdiet dan is-servizz b’marċ qasir qabel il-purċissjoni.Mal-ħruġ tal-purċissjoni ndaqqu ż-żewġ innijiet  (Innu reliġjuż u l-innu l-kbir) mill-pinna tal-Prof. Joseph Vella, surmast direttur tal-banda tagħna u l-innu marċ ta’ Vincenzo Ciappara, bis-sehem tal-kor tal-parroċċa. Hekk kif bdiet miexja l-purċissjoni, il-banda esegwiet programm mużikali taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, fil-pjazza ewlenija tar-raħal.

Il-parroċċa tal-Munxar, din is-sena ċċelebrat festi speċjali fl-okkażjoni tas-sena Pawlina. Għal din l-okkażjoni, kien hawn fostna l-Emm. T. il-Kardinal Geraldo Majella Agnelo. Intant, is-servizz tal-banda La Stella tal-bieraħ filgħaxija kien it-tieni wieħed f’dan ir-raħal fi żmien ġimgħa, wara li l-Ħadd ta’ qabel, il-banda għamlet marċ qasir fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mill-ordinazzjoni saċerdotali tal-Kan. Karm Curmi, kanonku tal-kolleġġjata Ġorġjana.

L-impenji tal-banda jkomplu din il-ġimgħa, fejn nhar l-Erbgħa li ġej ser takkumpanja l-purċissjoni bl-istatwa ta’ San Ġwann Bosco madwar beltna, fl-okkażjoni tal-75 sena mill-ftuħ tal-ewwel oratorju, imbagħad il-Ħadd 7 ta’ Ġunju fejn filgħodu jsir ir-rekording tas-sett il-ġdid ta’ marċi brijużi u filgħaxija takkumpanja l-purċissjoni tal-Corpus fir-raħal tal-Għasri.

Aktar dettalji fuq dawn is-servizzi fil-jiem li ġejjin.

[ritratti: Parroċċa San Pawl Nawfragu, Munxar ©]