Join Us On:

News Archive

JIFTAĦ FESTIVAL MEDITERRANEA 2009

Illum ser jingħata bidu għat-tmien edizzjoni ta’ Festival Mediterranea – festival kulturali mtella’ mis-Soċ. Filar. La Stella. Il-festival ser jiftaħ b’kunċert mill-organista Ingliż Richard Vendome, fl-Aula Mons. Giuseppe Farrugia, fit-8.00pm. Għada mbagħad ikun imiss żewġ kunċerti oħra: wieħed f’nofsinhar minn Trio Taljan iffurmat minn Laura Armani (sopran); Paolo Marcante (klarinett) u Anna Tamiozzo (pjanu) fl-Aula Mons. G. Farrugia; u ieħor filgħaxija mill-kor Brittaniku Schola Pietatis Antonio Vivaldi  (ritratt). F’dan il-kunċert li ser isir fil-bażilika ta’ San Ġorġ, il-kor ser ikanta numru ta’ xogħlijiet tal-kompożitur Venezjan. Il-Ħadd imbagħad ikun imiss kunċert ieħor mis-sopran Amy Webber u l-pjanista Richard Vendome – kunċert ieħor imtella’ fl-Awla Mons. G. Farrugia, fit-8.00pm.

Bla dubju l-akbar avveniment f’dan il-festival hija r-rappreżentazzjoni doppja tal-opra Verdjana Rigoletto. Din ser tittella’ fit-Teatru Astra nhar il-Ħamis 29 ta’ Ottubru u s-Sibt 31 ta’ Ottubru, fis-7.30pm.

Festival Mediterranea 2009 jinkludi wkoll numru ta’ attivitajiet agrikulturali li fil-maġġoranza tagħhom ser ikunu mmexxija mill-espert Dr David Trump. L-attivitajiet jinkludu żjarat fit-tempji tal-Ġgantija; l-Ipoġew; Tempji tal-Mġarr u ta’ Skorba; il-mużewijiet tal-arkeoloġija fil-belt Valletta u fiċ-Ċittadella fost l-oħrajn.

It-tmien edizzjoni ta’ dan il-festival tagħlaq bil-kbir bil-programm mużikali annwali mtella’ mill-banda ċittadina La Stella nhar is-Sibt 21 ta’ Novembru. L-impenn tal-banda huwa wieħed massimu, biex niggarantixxu suċċess ieħor mal-bosta li kisbet matul is-snin il-banda dekana Għawdxija.

Għall-programm sħiħ ta’ attivitajiet marbuta ma’ Festival Mediterranea żuru s-sit uffiċjali www.mediterranea.com.mt