Join Us On:

News Archive

JIEM TA’ FESTA

F’dawn il-jiem fil-bażilika tagħna qed jiġu ċċelebrati l-festi f’ġieh Ġesu’ Ewkaristija, magħrufa aħjar magħna bħala l-Kwaranturi Mqaddsa. Iċ-ċelebrazzjonijiet interni marbuta ma’ din il-festa, li hija waħda mill-aktar festi importanti fil-kalendarju tal-parroċċa tagħna, bdew nhar il-Ġimgħa li għadda u jintemmu proprju llum il-Ħadd, it-tielet u l-aħħar jum, b’purċissjoni pontifikali bis-Sagrament Imqaddes immexxija mill-E.T. Mons. Mario Grech Isqof t’Għawdexu Dekan tal-Kolleġġjata.

Wara l-festi tal-Kwaranturi Mqaddsa, nhar it-23 t’April, beltna tiċċelebra l-jum liturġiku f’ġieh il-patrun ta’ beltna u tad-djoċesi San Ġorġ Martri. Iċ-ċelebrazzjonijiet marbuta ma’ din il-festa għażiża magħna l-Ġorġjani jibdew nhar it-Tlieta 22 t’April: il-Vġili solenni ta’ San Ġorġ, fejn wara ċelebrazzjoni pontifikali fil-bażilika mmexxija mill-E.T. Mons. Nikol Cauchi Isqof Emeritu, fit-8.00pm ser issir Velja ta’ talb u kant fi Pjazza San Ġorġ bit-tema ‘Nishru ma’ San Ġorġ fil-lejl tal-Martirju Tiegħu’. F’din il-velja ser tieħu sehem ukoll il-banda tagħna bid-daqq ta’ innijiet Ġorġjani, fosthom l-innu reliġjuż “Georgius Natus Est” u l-innu marċ “Lil Kbir Martri San Ġorġ”. F’din l-okkażjoni ser tinħareġ l-istatwa artistika u devota ta’ San Ġorġ Martri fil-bieb tal-bażilika. L-għada mbagħad il-jum liturġiku ta’ San Ġorġ Martri, wara l-għasar solenni, fis-7.00pm jibda pontifikal solenni mmexxi minn Mons. Isqof, u wara marċ brijuż mill-banda ċittadina u dekana ‘La Stella’ minn Pjazza San Ġorġ sa Triq ir-Repubblika bl-istatwa ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel.

Hawn taħt qed inġibu l-programm kollu dettaljat tal-festi solenni f’ġieh il-patrun u protettur ta’ l-Għawdxin San Ġorġ Martri ċċelebrati fil-Knisja Protoparrokkjali u Arċimatriċi, Bażilika u Kolleġġjata Lateranensi, Omm il-parroċċi tal-gżira Għawdxija.

>> IT-TLIETA 22 TA’ APRIL 2008 | IL-VĠILI SOLENNI TA’ SAN ĠORĠ

6.30pm: Ċelebrazzjoni pontifikali ta’ l-Ewwel Għasar tas-solennità ta’ San Ġorġ immexxija mill-E.T. Mons. Nikol Ġ. Cauchi, isqof emeritu ta’ Għawdex u dekan emeritu tal-kolleġġjata, bis-sehem tal-kapitlu Ġorġjan u l-komunità parrokkjali.
8.00pm: Velja ta’ qari, talb u kant fi Pjazza San Ġorġ, bit-tema Nishru ma’ San Ġorġ fil-lejl tal-Martirju tiegħu, bis-sehem tal-kapitlu u l-kleru tal-bażilika, u l-banda Ċittadina ‘La Stella’.
Għal din l-okkażjoni tinħareġ fil-bieb tal-bażilika x-xbieha devota u mirakoluża ta’ San Ġorġ (1838), kapulavur fl-injam ta’ Pietru Pawl Azzopardi u l-ewwel statwa titulari ta’ Għawdex. F’każ ta’ maltemp il-velja ssir fil-bażilika.

>>L-ERBGĦA 23 TA’ APRIL 2008 | IS-SOLENNITÀ TA’ SAN ĠORĠ MEGALOMARTRI

Illum isir il-quddies fis-1.00, is-2.00, it-3.00 u l-4.00pm.

8.30am: Ċelebrazzjoni solenni tat-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum immexxija mill-arċipriet ir-Rev.mu Mons. Pawlu Cardona, bis-sehem tal-kapitlu tal-kolleġġjata u l-komunità parrokkjali.
6.30pm: Ċelebrazzjoni solenni tat-Tieni Għasar tas-solennità mmexxija mir-Rev.mu Mons. Ġużeppi Farrugia, arċipriet emeritu, bis-sehem tal-kapitlu tal-kolleġġjata u l-komunità parrokkjali.
7.00pm: Konċelebrazzjoni pontifikali mmexxija mill-E.T. Mons. Nikol Ġ. Cauchi, isqof emeritu ta’ Għawdex u dekan emeritu tal-kolleġġjata, bis-sehem tal-kapitlu u l-kleru tal-bażilika, u membri tal-kleru sekulari u reliġjuż tal-belt Victoria.

Jiġu esegwiti l-Missa Sanctæ Ioannis Baptistæ u l-antifona Beatus Georgius (pre-1890), mużika ta’ Mro Paolo Fiammingo u versi ta’ San Pier Damiani (1007-1072), bis-sehem tas-solisti Rev. Joseph C. Mercieca (tenur) u Joe Huber (baritonu), il-kor tal-bażilika Laudate Pueri u l-orkestra, taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, maestro di cappella.

8.30pm: Dimostrazzjoni minn Pjazza San Ġorġ sal-każin La Stella fi Triq ir-Repubblika bl-istatwa ta’ San Ġorġ fuq iż-Żiemel, bis-sehem tal-banda ċittadina u dekana La Stella.