JIBDEW IS-SERVIZZI TAS-SAJF
Il-bieraħ bdew is-servizzi fil-festi tas-sajf. Bħalma jaf kulħadd il-Banda tagħna hija waħda mill-aktar impenjata matul il-festi. Nieħdu sehem kważi fl-irħula kollha u għadna sal-ġurnata tal-lum niġu mitluba biex nagħmlu servizzi ġodda.
Il-festa ta’ San Pawl fil-Munxar fetħet is-servizzi tagħna għal dan is-sajf. Ir-rabta magħna mar-raħal ċkejken tal-Munxar tmur lura fis-snin u għalhekk il-preżenza tagħna f’din il-festa saret ħaġa li nkunu nistennew. Is-servizz beda’ billi l-Banda għamlet marċ mat-toroq ewlenin fejn spiċċat fil-pjazza quddiem il-knisja fejn San Pawl intlaqa’ bl-innu l-kbir fost iċ-ċapċip tan-nies. Wara, taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, l-Banda għamlet kunċert fil-pjazza fejn daqqet numru ta’siltiet mir-repertorju mużikali tagħha.
Minn hawn inkomplu l-impenji tagħna li ma humiex ftit. Il-weekend li ġej l-Banda għandha s-servizz tal-Għasri għall-festa tas-Salvatur u wara, fit-8 ta’ Ġunju, l-kunċert uniku RockAstra.