Join Us On:

News Archive

JIBDA L-VICTORIA INTERNATIONAL ARTS FESTIVAL

Il-bieraħ ingħata bidu għall-10 edizzjoni tal-Victoria International Arts Festival – festival ta’ mużika li ta’ kull sena jiġbed lejn il-gżira Għawdxija l-aqwa esponenti tal-mużika Maltija kif ukoll mużiċisti u korijiet mill-aqwa minn diversi pajjiżi Ewropej…festival li jiftaħ uffiċjalment il-festi ad unur il-Patrun t’Għawdex, San Ġorġ Megalomartri. Dan il-festival huwa wieħed mill-fatturi li jagħmel il-festa ta’ San Ġorġ f’beltna waħda unika u inimitabbli. Il-Festival huwa festa ta’ korijiet, orkestri, solisti, pitturi u gruppi ta’ arti teatrali u letterarja li fuq medda ta’ erba’ ġimgħat matul it-tmiem ta’ Ġunju u x-xahar kollu ta’ Lulju, jibdlu r-Rabat, jiġifieri ċ-ċentru storiku tal-Belt Victoria, f’teatru u jagħmlu minnu ċ-ċentru kulturali tal-gżejjer Maltin.

Il-Victoria International Arts Festival għandu bħala d-direttur artistiku tiegħu lill-Prof. Joseph Vella, is-surmast direttur tal-banda ‘La Stella’ u maestro di cappella tal-bażilika ta’ beltna. Flimkien mal-Prof Vella, il-kumitat organizzattiv tal-Fundazzjoni jinkludi lil Mons. Arcipriet Guzeppi Farrugia, Dun George J. Frendo, koordinatur, u lil Dr. Maria Frendo, Dennis Xuereb, Michael Formosa, u Miriam Attard.

Il-Victoria International Arts Festival għandu bħala “venue” prinċipali l-Bażilika ta’ San Ġorġ u l-kumpless ta’ bini fl-idwar tagħha. L-Aula Mons. Giuseppe Farrugia (1852-1925), il-Kjostru neo-Romaniku, is-Sala San Mikiel, Pjazza San Ġorġ u fuq kollox il-bażilika nfisha bil-ġmiel dehbi tagħha u l-akwistika perfetta li għandha huma l-postijiet fejn isiru l-kunċerti u l-attivitajiet konnessi mal-Festival.

F’din l-għaxar edizzjoni tiegħu se jkunu b’kollox 28 l-attivitajiet mużikali, pittoriċi, letterarji u drammatiċi li qed joffri. Ma’ dawn hemm ukoll is-sitt ijiem ta’ festi Ġorġjani li se jinkludu l-mużika meraviljuża ta’ Mons. Giuseppe Farrugia u l-Prof. Joseph Vella li tiġi esegwita fil-funzjonijiet tal-jiem tat-tridu u l-festa, u l-attivitajiet esterni. Dawn jinkludu l-Ikla fil-beraħ ta’ Pjazza San Ġorġ, il-marċi brijużi, il-logħob tan-nar, it-tiġrijiet tal-bhejjem u t-tiżjin ta’ barra.

Il-Victoria International Arts Festival hu mifrux fuq xahar qabel il-festa ta’ San Ġorġ, li tilħaq il-qofol tagħha fil-15 ta’ Lulju, u l-ġimgħa ta’ wara sal-Ħadd 22 ta’ Lulju. L-attendenza għal kull serata hija bla ħlas u dan grazzi għall-isponsorships li l-kumitat organizzattiv jirnexxielu jakkwista’ minn sena għall-oħra. Wieħed irid jiftakar li barra minn pajjiżna, l-attendenza għal dawn is-serati tiswa ħafna flus u vjaġġar. B’dan il-Festival qed tingħatalna opportunità unika u forsi, bla ma nintebħu, inkunu qed nitilfuha

Fis-serata tal-bieraħ, li fetħet dan il-festival kulturali, kellna kunċert mill-aqwa mill-Festive Brass Ensemble taħt id-direzzjoni ta’ Paul Borg (araw ir-ritratti mill-kuncert tal-bierah fuq ix-xellug). Dan il-kunċert sar ġewwa Pjazza San Ġorġ. F’dan il-festival ser jieħdu sehem ukoll, l-alljievi tal-banda tagħna li ser jagħtu kunċert mill-isbah nhar it-Tnejn li ġej 18 ta’ Lulju fit-8.00pm. Dan ser ikun kunċert ieħor minn sensiela ta’ kunċerti li qed jagħti spazju lill-bandisti żgħażagħ tagħna biex jiddistingwu ruħhom u jdoqqu kemm bħala solisti kif ukoll f’ensemble. Qed issir ħidma kbira mill-għalliema ta’ dawn l-alljievi, Noel Beck, George Apap u Michel Refalo, biex dawn il-mużiċisti jkomplu jiżviluppaw it-talent mużikali tagħhom, u permezz t’hekk tkompli wkoll tissaħħaħ il-banda tagħna, u żżomm postha fil-quċċata tal-qasam bandistiku lokali.

Intant, għall-benefiċċju ta’ dawk kollha li jżuru dan is-sit, hawn taħt tistgħu taraw il-programm kollu ta’ kunċerti u attivitajiet marbuta ma’ dan il-festival:

Il-Ħamis 14 ta’ Ġunju: Kunċert mill-Festive Brass Ensemble (Pjazza San Ġorġ).

Is-Sibt 16 ta’ Ġunju: Kunċert mill-Primavera Choir (Ġappun) fil-bażilika.

It-Tnejn 18 ta’ Ġunju: Kunċert mill-“La Stella Youth Ensemble”.

L-Erbgħa 20 ta’ Ġunju: Kunċert b’xogħlijiet ta’ Mozart minn Silvio Zammit (Flute) u Ramona Zammit (Pianoforte).

Il-Ħamis 21 ta’ Ġunju: Kunċert Vokali minn Tim Ribic (Tenur) u Jaki Jurgec (Baritonu).

Il-Ġimgħa 22 ta’ Ġunju: ‘The Composer Speaks’ – Alex Vella Gregory u ‘Debutantes Concert’.

Is-Sibt 23 ta’ Ġunju: Piano Trio – Roberto Meoni (Clarinet), Simon Webb (Violincello), John Grundy (Pianoforte) mir-Renju Unit.

Il-Ħadd 24 ta’ Ġunju: Kunċert mill-Island Brass (leader: Antoine Theuma).

It-Tnejn 25 ta’ Ġunju: Gjøril Songvoll (Alto) u Monica Tomescu (Pianoforte) min-Norveġja, f’Kunċert bl-isem ‘An Evening of Music by Grieg’.

It-Tlieta 26 ta’ Ġunju: Sarah Spiteri/Alex Vella Gregory – Violin and Organ Recital.

L-Erbgħa 27 ta’ Ġunju: Joe Vella/Juliet Lopez – Saxophone and Pianoforte Recital.

Il-Ġimgħa 29 ta’ Ġunju: Duo Taus – Liv Hilde Klokk (Violin) u Torun Saeter (Violincello) min-Norveġja.

Is-Sibt 30 ta’ Ġunju: Kunċert mill-kor ‘Laudate Pueri’ fl-okkażjoni ta’ l-inawgurazzjoni tal-proġett ta’ illuminazzjoni fil-bażilika.

Il-Ħadd 1 ta’ Lulju: “Literary Evening” minn Margaret Agius u Nicholas De Piro fil-Kjostru neo-Romantiku tal-bażilika.

It-Tnejn 2 ta’ Lulju: Classic Duo – Geoffrey Haydock (Clarinet) u Penelope Smith (Pianoforte) mir-Renju Unit.

It-Tlieta 3 ta’ Lulju: Edinburgh University Chamber Choir – ‘Recital of Sacred Motets’ fil-bażilika.

L-Erbgħa 4 ta’ Lulju: Pianoforte Recital – Christopher Langdown mir-Renju Unit.

Il-Ħamis 5 ta’ Lulju: Violoncello and Pianoforte Recital – Daniel Veis/Helena Veisova mir-Repubblika Ċeka.

Is-Sibt 7 ta’ Lulju: Recital of Sacred Motets – King’s Junior School and Ely Choristers mir-Renju Unit, fil-bażilika.

Il-Ħadd 8 ta’ Lulju: Kunċert mill-Oden Ensemble minn Franza.

It-Tnejn 9 ta’ Lulju: Kunċert grandjuż mill-Orkestra Nazzjonali/ Laudate Pueri/ Edinburgh University Chamber Choir/ King’s Junior School and Ely Choristers/ Marcello Canci (Mendelssohn Violin Concerto)/ Joseph Vella’s Symphony no.3 ‘The Apocalypse Verses’/ Leonardo Alaimo (tenur) – direttur Mro Joseph Vella. (Bażilika San Ġorġ).

It-Tlieta 17 ta’ Lulju: Kunċert mill-Jazz Quartet (leader: Dominic Galea).

L-Erbgħa 18 ta’ Lulju: Kunċert minn Daniel Cauchi Brass Ensemble fi Pjazza San Ġorġ.

Il-Ħamis 19 ta’ Lulju: Kunċert mill-Brevis Piano Quarter mill-Awstrija.

Il-Ġimgħa 20 ta’ Lulju: Kunċert Vokali minn Miriam Cauchi (Soprano) u Karolina Berkova (Mezzo Soprano) mir-Repubblika Ċeka.

Is-Sibt 21 ta’ Lulju: ‘Le Suppliche Religiose in Verdi e Puccini’.

Il-Ħadd 22 ta’ Lulju: ‘Il salotto musicale Italiano nel primo novecento’.

*Il-kunċerti kollha jibdew fit-8.00pm minbarra l-kunċert tat-30 ta’ Ġunju li jibda fit-8.30pm. Fejn m’hemmx indikat il-‘venue’, il-kunċerti u l-attivitajiet isiru fl-Aula Mgr G. Farrugia.

(Ritratti: Joe Attard)