Join Us On:

News Archive

ŻJARA MILL-MINISTRU GĦAL GĦAWDEX FIT-TEATRU ASTRA

Waqt żjara li għamlet il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono fit-Teatru Astra, spjegat kif il-gvern qiegħed jgħin lis-Soċjetà Filarmonika La Stella, permezz ta’ fondi allokati bl-iskema ta’ Eco-Gozo.

Il-proġett tas-Soċjetà Filarmonika La Stella jinkludi ristrutturar tal-faċilitajiet ewlenin ġewwa t-Teatru Astra fejn fost attivitajiet oħra ta’ kull sena jittella’ l-Festival Mediterranea. Bħalissa qed isir xogħol ta’ ristrutturar u rinovazzjoni fuq il-palk u l-madwar fejn fi ftit ġimgħat oħra ser tiġi mtellgħa l-Opra Norma bħala parti mill-festival. Permezz tal-proġett taħt l-iskema eko-Għawdex, il-Ministeru għal Għawdex ser ikun qed jgħin ukoll lil din is-Soċjetà fil-promozzjoni ta’ dan il-festival anke barra minn Malta. Minbarra li għandu valur kulturali għall-gżira Għawdxija, dan il-festival huwa ta’ attrazzjoni għal bosta Maltin u barranin li kull sena jattendu għal dan l-avveniment u għalhekk jirriżulta bħala valur miżjud fil-qasam ekonomiku u dak soċjali tal-gżira ta’ Għawdex.

L-Onor. Giovanna Debono fissret kif l-objettivi marbuta mal-inizjattivi ta’ dawn il-proġetti huma konformi mal-miżura proposta fil-pjan ta’ azzjoni ta’ eko-Għawdex dwar il-kultura u l-identità tal-gżira. Żiedet tgħid, li fil-kuntest ta’ żvilupp sostenibbli dawn il-proġetti għandhom sehem sinifikanti fl-iżvilupp tal-potenzjal kbir tan-nies li jgħixu fuq il-gżira u t-turiżmu ta’ kwalità li jiġbdu lejn Għawdex. Il-Ministru Debono kienet akkumpanjata mill-President tas-Soċjetà s-Sur Paul Zammit, kif ukoll minn xi uffiċjali għolja fil-Ministeru għal Għawdex.