Join Us On:

News Archive

ĊITTADINI TA’ NICHELINO FIL-KAŻIN TAGĦNA

Il-bieraħ, 28 ta’ April, 2009, kien imiss lis-Soċjetà tagħna sabiex tospita’ fi ħdanha lil grupp ta’ madwar 130 ruħ li ġew min-Nichelino, Turin, jakkumpanjaw lis-Sindku u l-membri l-oħra tal-Komun għat-tieni parti tal-ġemellaġġ li sar bejn il-Belt Victoria u dik ta’ Nichelino proprju nhar il-Ħadd li għadda fi Pjazza Indipendenza – It-Tokk.
 
Wara ż-żjara tagħhom fil-Bażilika Proto-Parrokkjali ta’ San Ġorġ, li baqgħu jitkellmu dwarha tul l-ikla kollha bl-affarijiet sbieħ u ta’ ġmiel li raw fil-Golden Church t’Għawdex, il-grupp kollu immexxi mis-Sindku tal-Belt Victoria, is-Sur Robert Tabone flimkien mal-familja tiegħu u ftit minn sħabu l-Kunsilliera li kellhom il-pjaċir jattendu matul is-serata tal-bieraħ organizzata mill-Kapitlu tal-Bażilika u l-Kumitat tas-Soċjetà La Stella rispettivament flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ beltna, akkumpanjaw bil-mixi lill-grupp tat-Taljani sat-Teatru tagħna.
 
Kif waslu, quddiem l-entratura tat-Teatru, ġew milqugħa b’tifkira ta’ l-okkażjoni minn membri tal-Astra Folk Group, u b’daqq folkloristiku live mill-orkestra ta’ l-istess folk group, kif ukoll mill-President tas-Soċjetà Dr Joseph Grech u minn xi bandisti u membri tal-Kumitat li fi Frar li għadda akkumpanjaw lis-Sindku ta’ Beltna u lill-Kunsilliera l-oħra ġewwa l-Belt ta’ Nichelino fejn kien iffirmat l-ewwel parti ta’ dan il-ġemellaġġ.
 
Wara li kulħadd sab postu madwar l-imwejjed skjerati apposta fil-Foyer tat-Teatru, il-grupp ġie mistieden biex jiffamiljarizza ruħu mas-swali tas-Soċjetà li għandna fit-tieni sular, filwaqt li żar s-sala prinċipali fejn kien hemm esposti t-tifkiriet li s-Soċjetà rċeviet matul il-mawra li saret f’Nichelino fi Frar li għadda. Wara li ngħataw tagħrif fuq l-istorja antika tas-Soċjetà u tal-Banda Dekana tagħna, il-grupp qatta’ ftit tal-ħin fil-gallerija tal-Każin li tagħti fuq Triq ir-Repubblika, kif ukoll għadda għas-Sala Mro Giardini Vella fejn setgħu jaraw l-Arkivji tas-Soċjetà, jitgħaxxqu għal darb’oħra bl-istatwa ta’ San Ġorġ ta’ barra li tinżamm f’niċċa f’din is-sala. Setgħu wkoll jammiraw grupp ta’ membri tal-Għaqda tal-Armar li kienu qegħdin jagħmlu xi xogħol konness mal-proġett ambizzjuż li daħlet għalih din l-Għaqda, li hu l-kostruzzjoni ta’ planċier ġdid għall-banda li jintrema ġewwa Pjazza San Ġorġ matul il-ġranet tal-festa.
 
Malli l-mistednin niżlu isfel, sabu jistennewhom numru sabiħ ta’ platti b’appetizers tipiċi Maltin fuq l-imwejjed, kif ukoll il-partita tac-Champions League bejn it-timijiet ta’ Barcelona u Chelsea li kienet qed tintwera fuq il-big screen u fuq il-ħafna settijiet tat-televiżjoni li hemm imxerrda mal-Foyer kollu.
 
Mill-ewwel bdew jitqassmu l-platti b’ikel tipiku Malti flimkien mal-inbid għall-mistednin kollha, filwaqt li beda l-kant u zfin mill-membri tal-Astra Folk Group, li għada ser jitilqu lejn Budapest, l-Ungerija fejn ser ikunu qed jieħdu sehem f’Festival tal-Gruppi Folkloristiċi u li ser idumu hemm sad-9 ta’ Mejju.
 
Wara ftit kien imiss ukoll lill-Youth Band tagħna, The Allegros Clefs, immexxija mis-Sur Michel Refalo, solist u għalliem ta’ l-allievi tal-banda tagħna, li bdew iferrħu lil kull min kien hemm preżenti b’daqq ta’ diski Taljani famużi, li ġiegħlu lil kulħadd ikanta u saħansitra jiżfen mad-daqq sabiħ tagħhom. Dawn spiċċaw l-eżekuzzjoni tagħhom bid-daqq ta’ l-innu Popolari “Lill-Kbir Martri San Ġorġ”, li matulu l-Każin sar festa waħda, filwaqt li ngħataw standing ovation matul id-daqq ta’ l-innu kollu, fost għajat u ċapċip kbir li nafu nagħmlu aħna l-Ġorġjani.
 
Lejn tmiem l-ikla, hekk kif beda t-tqassim tad-deżerta, il-President tas-Soċjetà, Dr Joseph Grech flimkien ma’ membri oħra tal-Kumitat ippreżentaw xi pubblikazzjonijiet flimkien ma’ żewġ CD’s tal-banda tagħna, wieħed tal-marċi funebri u iehor tal-marċi brijużi, lill-President tal-Kamra ta’ Nichelino fl-assenza tas-Sindku li minħabba raġunijiet ta’ xogħol irritorna lura l-Italja t-Tnejn, 27 ta’ April; kif ukoll lill-President tal-Banda ‘Giacomo Puccini’ ta’ Nichelino, lill-membru tat-Teatru Superga ta’ Nichelino, u fl-aħħar u mhux l-inqas lill-membri tal-kor tal-Alpinisti ta’ Nichelino.
 
Fl-aħħar tal-preżentazzjonijiet kulħadd kien mistieden iżur it-Teatru tagħna fost daqq live, mill-ġdid mill-orkestra tal-Astra Folk Group. Hekk kif kienu deħlin ġewwa t-Teatru ngħataw Desk Diary tas-Soċjetà kif ukoll xi pubblikazzjoni dwar it-Teatru tagħna.
 
Kien jidher fuq wiċċ kulħadd l-istagħġib li ħakimhom hekk kif sabu ruħhom f’nofs it-Teatru, kollu mixgħul għall-okkazjoni. Wara li ngħataw tagħrif dwar it-Teatru, mill-ewwel spikkaw il-kummenti dwar kemm għandu akkustika eċċellenti, tant li bdew ikantaw mal-muzika li kienet ġejja mil-Foyer, kif ukoll dwar kemm hu ddisinjat sabiħ, tant li jista’ jitqies Teatru hekk imsejjaħ ‘multi-purpose’. L-istagħġib kompla jiżdied meta kulħadd kien mistieden jitla’ fuq il-palk biex jammira aktar it-Teatru. Spiċċaw tant impressjonaw ruħhom bil-kobor tal-palk u bil-back stage, li huma l-akbar fil-gżejjer Maltin, li l-President tal-Kamra ta’ Nichelino, li hu persuna ntiża ħafna, stqarr li l-palk u l-back stage biss fihom daqs it-Teatru tagħhom kollu.
 
Ġew mistiedna jaraw ix-xeni li kien għad fadal fuq il-palk. Baqgħu mibluha kif jista’ jkun li dan ix-xogħol professjonali kollu qiegħed isir mill-artist żagħżugħ is-Sur Joseph Cauchi b’volontarjat. Is-Sur George Farrugia, il-kostumista tat-Teatru tagħna, stedinhom sabiex jidħlu jaraw is-swali mimlija kostumi li hemm back stage. Apprezzaw ħafna din l-akkoljenza, aktar u aktar meta ġew mgħarrfa mis-Sur Farrugia, li bħalissa qiegħed iħit il-kostumi ġodda għall-opra Rigoletto ta’ Giuseppe Verdi li ser tittella’ fit-Teatru, nhar il-Ħamis 29 u s-Sibt 31 t’Ottubru, 2009.
 
Meta kollox kien jidher li wasal fit-tmiem, għalkemm ħadd ma kellu aptit jitlaq mit-Teatru, tant li xi Taljani minn fosthom bdew jimbuttaw lin-nies sabiex ifittxu jgħagglu għax il-coaches kienu ilhom jistennewhom u kienu għadhom iridu jmorru jippakkjaw il-bagalji bil-lest, minħabba li ser jitilqu lura lejn Nichelino llum 29 ta’ April. Ma setax jonqos li fost il-posters tal-produzzjonijiet li saru kemm ilu miftuħ it-Teatru, il-mistednin skoprew li hemm kwadru minnhom li kien fih bicca mis-separju maħruq li kien fadal meta t-Teatru tagħna sofra l-ħruq fl-2005. Kulħadd xtaq li jiġbed ritratt ma’ dan l-inkwadru, peress li kif qalulna huma, it-Teatru tagħna għall-fatt li b’xorti ħażina nħaraq ukoll, hu Teatru li daħal ukoll fl-istorja ta’ fost it-teatri l-kbar tad-dinja għax kollha ġarrbu xi ħruq kemm ilhom jeżistu.
 
Għalkemm dawk it-Taljani li kienu alloġġjati ġewwa Marsalforn kellhom jitilqu lura għax kellhom il-coach tistennihom, dawk li kienu qed joqogħdu r-Rabat baqgħu jduru ġewwa t-Teatru tant kemm issaħħru. Saħansitra xtaqu jinżlu fl-orchestra pit peress li l-proġett li l-Komun ta’ Nichelino għandu l-ħsieb li jagħmel fil-futur qarib fit-Teatru Superga, hu proprju t-tħaffir tal-buco, kif sejħulu huma, għax għad m’għandhomx.
 
Imbagħad xħin kien qabez nofs il-lejl sewwa, wasal il-mument li ħadd minn dawk preżenti ma xtaq li jasal, għalkemm kulhadd kien jidher għajjien mejjet. Għalhekk saru l-aħħar tgħanniqiet, mhux ta’ l-addio imma ta’ l-arrivederci, peress li min-naħa tagħhom diġa’ qegħdin jaraw kif, f’Ottubru li ġej ikunu preżenti għat-tmien edizzjoni ta’ Festival Mediterranea li din is-sena ser ikun bejn it-23 ta’ Ottubru u s-6 ta’ Novembru.
 
Ritratti: Patricia Refalo