ĠITA GĦALL-FESTA TA’ STA MARIJA FL-IMQABBA
L-Għaqda tan-Nar San Ġorġ Martri, fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika La Stella, tħabbar li għal darb’ oħra, bħalma għamlet fis-snin l-imgħoddija, se torganizza ħarġa għal Malta, għall-festi ta’ Santa Marija iċċelebrati ġewwa l-Imqabba u l-Qrendi.
Il-ħarġa se ssir nhar il-Ħamis li ġej, 14 t’Awwissu, 2008, lejlet Santa Marija. Il-grupp mistenni jitlaq minn quddiem il-Każin tas-Soċjeta’ Filarmonika La Stella, fl-3.45pm, u jaqbad il-vapur ta’ l-4.30pm. Fil-5.00pm, ikun hemm private coach tistenniena ċ-Ċirkewwa, minn fejn twassalna l-Imqabba. Hemmhekk ikollna ħin liberu biex min irid ikun jista jgawdi l-armar fit-toroq, iżur il-knisja parrokkjali ta’ Santa Marija, jiekol xi ħaġa tajba u jżur postijiet oħra interessanti f’dan il-lokal sabiħ.
Aktar tard filgħaxija, ikollna ċ-ċans ingawdu l-ispettaklu grandjuż u uniku ta’ arti piroteknika lejlet il-festa ta’ Santa Marija, imtella’ mir-rebbieħa ta’ l-edizzjoni tas-sena l-oħra tal-festival internazzjonali tal-piroteknika, “Caput Lucis”, organizzat f’Ruma. Niġu lura Għawdex tard bil-lejl.
Il-biljetti għal din il-ħarġa jistgħu jinkisbu mill-Uffiċċju Parrokjali tal-Bażilika ta’ San Ġorġ, mill-Astra Bar, mingħand Frank Zammit ta’ Cafe’ San Ġorġ, mingħand Frank Schembri ta’ Vajringa Supermarket, mingħand is-Sinjura Kolina Attard u mingħand il-membri ta’ l-Għaqda tan-Nar San Ġorġ Martri.
12/08/2008