Join Us On:

News Archive

IT-TIENI SERVIZZ GĦALL-BANDA ‘LA STELLA’ FL-ISTAĠUN TAL-FESTI 2008

Wara l-festa tal-Munxar, għall-banda ċittadina u dekana ‘La Stella’ kien imiss servizz ieħor din id-darba fir-raħal ċkejken ta’ l-Għasri li fi tmiem il-ġimgħa ċċelebra l-festa ddedikata lis-Salvatur. F’din il-festa ta’ kull sena l-banda tagħna tieħu sehem billi tagħmel marċ qabel il-purċissjoni u mbagħad takkumpanja l-istess purċissjoni bid-daqq ta’ marċi reliġjużi. Il-banda ‘La Stella’ għandha rabtiet speċjali ma’ dan ir-raħal f’Għawdex u ta’ kull sena tkun il-banda prinċipali li tieħu sehem fil-festi ddedikati lis-Salvatur. Għalkemm raħal ċkejken, bl-iżgħar popolazzjoni f’pajjiżna, wieħed jammira wkoll l-isforz kbir li jsir min-naħa tal-parroċċa u tal-komunità kollha biex jorganizzaw festa li tixraq lill-membri kollha ta’ dan il-lokal. Il-banda ‘La Stella’ bla dubju tgħin mhux ftit biex tkabbar din il-festa, u ta’ kull sena onorat is-servizz tagħha bl-aħjar mod f’jum il-festa.

L-impenji għall-banda dekana ma jiqfux hawn, għaliex proprju fi tmiem din il-ġimgħa għandna servizz doppju ġewwa raħal ieħor marbut sew mas-Soċjetà ‘La Stella’ dak tal-Fontana li din il-ġimgħa jkun qed jiċċelebra l-festa tant għażiża tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’. F’din il-festa, il-banda tagħmel marċ brijuż lejlet il-festa, u f’nhar il-festa tilqa’ l-istatwa titulari bid-daqq ta’ l-innu l-kbir u wara takkumpanja l-purċissjoni devota bid-daqq ta’ marċi reliġjużi.

09/06.2008