Join Us On:

News Archive

IT-TIENI JUM TAT-TRIDU: PJAZZA OĦRA IPPAKKJATA

Il-bieraħ filgħaxija, għat-tielet jum konsekuttiv, il-poplu ġorġjan ippakkja pjazza oħra ! Wara li t-Tlieta il-folla ħonqot pjazza San Franġisk, u l-Erbgħa pjazza San Ġorġ, il-bieraħ kien imiss Pjazza Savina, waqt id-dimostrazzjoni popolari tal-Ħamis, it-tieni jum tat-tridu, bl-istatwa ta’ San Ġorġ Patrun ta’ Għawdex (2008) ta’ Michael Camilleri Cauchi.

Matul id-dimostrazzjoni daqqew il-baned ta’ Santa Katarina taż-Żurrieq u San Ġorġ ta’ Ħal-Qormi. B’hekk infetaħ ukoll is-sehem rekord ta’ baned maltin fil-festa tagħna. Fi tmiem il-marċ saret rappreżentazzjoni awdjo-viżiva fuq San Ġorġ imtellgħa mill-Għaqda Żgħażagħ La Stella. Għad-dimostrazzjoni tal-lejla se jkollna magħna l-banda l-oħra ġorġjana ta’ Ħal-Qormi, il-Banda Aniċi u l-Banda Ċittadina La Vallette tal-Belt Valletta.  Naturalment magħhom se jkun hemm is-sehem ukoll tal-Banda Ċittadina La Stella.

Il-poplu qed juri biċ-ċar li San Ġorġ kellu u għad baqalu post fil-qlub ta’ ħafna ġorġjani.  Post fi qlubna li jixraq tassew lil dan il-qaddis, popolari mhux biss f’Malta u Għawdex, imma fid-dinja kollha.  Qaddis li jibqa relevanti dejjem, f’kull żmien, u li għandu jkun il-mudell tagħna li permezz tiegħu nersqu lejn Ġesu u ommu Marija.  Għalhekk illum niftakru li fis-6.30pm jibda l-għasar solenni u dritt wara l-aħħar omelija tat-tridu.  Fid-9pm niltaqgħu pjazza San Ġorġ biex jindaqq l-innu Su Garzoni (1894) bis-sehem tal-Banda Ċittadina La Stella taħt id-direzzjoni tal-Prof Joseph Vella, u l-Kor tat-Tfal tat-Teatru Astra Piccole Stelle, taħt id-direzzjoni ta’ Sylvana Cini.  Tkanta Ruth Portelli.

Wara l-innu tibda r-raba’ dimostrazzjoni, dik tal-aħħar jum tat-tridu, b’San Ġorġ Rebbieħ (1894), kapulavur ta’ Vincenzo Cremona u l-ewwel statwa titulari għall-festi esterni f’Għawdex.

Narawkom ! Viva San Ġorġ !

DSC_1243

DSC_1254

19983586_1607517775938637_2643011859779915560_o