IT-TIENI EDIZZJONI TA’ ROCKASTRA
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella ħabbret it-tieni edizzjoni ta’ RockAstra, spettaklu mużikali mill-banda La Stella li ser jinżamm nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Ġunju 2014, fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Victoria, Għawdex. Dan ġie mħabbar f’konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret fil-kumpless Il-Maxtura, Għawdex, nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Mejju. Il-konferenza ta’ l-aħbarijiet ġiet indirizzata minn Dr Edward Zammit-Lewis, Ministru għat-Turiżmu; Dr Anton Refalo Ministru għal Għawdex; Dr Samuel Azzopardi, Sindku tal-Belt Victoria; Michael Formosa, Segretarju Amministrattiv tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u s-Surmast Sigmund Mifsud, direttur artistiku ta’ RockAstra.
F’dan il-kunċert, il-Banda La Stella ser tkun taħt id-direzzjoni ta’ Sigmund Mifsud, personalita’ magħrufa sew fil-qasam mużikali u artistiku ta’ pajjiżna. Il-konferenza ġiet indirizzata mis-Sur Michael Formosa, Segretarju Amministrattiv ta’ l-istess Soċjetà. Huwa rrimarka b’sodisfazzjon li l-kunċert RockAstra li jinsab fit-tieni edizzjoni tiegħu, diġà stabilixxa ruħhu bħala appuntament ewlieni fil-qasam mużikali ta’ pajjiżna u hu riflessjoni ta’ inizzjattiva ta’ kwalità oħra tas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Is-suċċess kbir li nkiseb fl-edizzjoni tas-sena li għaddiet u l-impenn tal-mużiċisti tal-Banda La Stella taħt id-direzzjoni artistika impekkabbli tas-Surmast Sigmund Mifsud jippromettu li l-edizzjoni ta’ din is-sena tkun pass ieħor fil-mixja ta’ suċċessi u tiġdid tal-profil artistiku tal-Banda Ċittadina La Stella.
Is-Surmast Mifsud, li lejn tmiem l-2013 ġie maħtur bħala assistent direttur mużikali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella aċċenna għall-esperjenza posittiva li kellu sa issa mal-Banda Ċittadina La Stella u għall-opportunità unika u għall-importanza li t-talent lokali qed jingħata f’dan il-kunċert. F’dan il-kunċert, il-Banda La Stella ser tkun akkumpanjata minn sezzjoni ritmika kif ukoll artisti lokali bħalma huma Aldo Busuttil, Francesca Borg, Anna Azzopardi, Louisana Bartolo Tiziana Calleja u Michela Pace. Matul dan il-kunċert ser jiġu esegwiti siltiet mużikali mir-repertorju ta’ John Lennon, Freddie Mercury, Zucchero, Deep Purple, John Fogerty u Leonard Cohen fost oħrajn.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Dr Edward Zammit-Lewis li kien preżenti għall-konferenza ta’ l-aħbarijiet, iddeskriva din l-inizjattiva tal-Banda La Stella bħala waħda ta’ kwalita’, organizzata minn organizzazzjoni mużikali li topera fuq bażi volontarja. Huwa kompla li RockAstra mhux biss ser ikun qed jesebixxi t-talent mużikali li għandna f’pajjiżna, imma juri wkoll kemm entitajiet li joperaw fuq bażi volontarja jistgħu jkunu parteċipi ma’ l-Istat u l-awtoritajiet pubbliċi sabiex jagħtu kontribut biex pajjiżna jkun jista’ jesebixxi aħjar il-prodott kulturali tiegħu. Il-kunċert RockAstra se jkun okkażjoni li tiġġenera turiżmu intern bejn Malta u Għawdex. Il-Ministru Zammit-Lewis irrimarka li bħall-organizzazzjoni ta’ Festival Mediterranea u l-opra lirika, li jinżammu kull sena fit-Teatru Astra, il-kunċert RockAstra jikkonferma l-impenn u d-dedikazzjoni tas-Soċjetà La Stella fil-promozzjoni tal-kultura u l-mużika f’pajjiżna, li minbarra li jagħmlu unur lilha bħala organizzatriċi, huma f’sintonija mal-politika tal-Gvern.
Il-Ministru għal Għawdex, Dr Anton Refalo, sostna li din hija waħda minn dawk l-inizjattivi kulturali li jgħinu lil Għawdex sabiex ikun destinazzjoni ta’ kwalità. F’kuntest akbar, attivitajiet mużikali bħal RockAstra jagħmlu l-kalendarju kulturali lokali aktar attraenti. Il-Ministru Refalo kompla li jinsab konxju mill-potenzjal tal-Banda La Stella filwaqt li rrikonoxxa l-kontribut kbir li din is-Soċjetà Mużikali qed tagħti fix-xena mużikali u kulturali lokali. Huwa tenna li l-Ministeru għal Għawdex se jissokta joffri kull appoġġ sabiex inizjattivi ta’ din ix-xorta jkunu jistgħu jitwettqu.
Is-Sindku tal-Belt Victoria, Dr Samuel Azzopardi li wkoll indirzza l-konferenza ta’ l-aħbarijiet, esprima s-sodisfazzjon tal-Kunsill Lokali Belt Victoria li ser jittella dan il-kuncert bil-kollaborazzjoni tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-istess Kunsill. Il-Kunsill persważ li dan ser ikompli jtella’ l-livell tal-qasam muzikali ta’ Beltna.
Dan l-ispettaklu mużikali qed isir bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria, tal-Ministeru għal Għawdex, tal-Ministeru tal-Gustizzja, Kultura u Gvern Lokali u l-Awtorita tat-Turiżmu u bl-għajnuna ta’ General Soft Drinks Co. Ltd, Citadel Insurance plc, Banif Bank, Ivory Suite-Maxtura u Arkadia.
Id-dħul għal dan il-kunċert huwa mingħajr ħlas u l-postijiet jittieħdu fuq bażi ta’ first come first served basis.
(Ritratti: Toni Farrugia)