Join Us On:

News Archive

IT-TEATRU ASTRA JHABBAR IL-MUSICAL EVITA

Wara s-suċċess bil-produzzjoni tal-musical Grease, it-Teatru Astra qed jimbarka għall-proġett ferm iktar ambizzjuz,  il-musical Evita, wieħed mill-aktar musicals famużi ta’ Andrew Lloyd Webber u Tim Rice rinomat fost l-oħrjan għas-siltiet  ‘Another Suitcase in Another Hall,’ ‘Oh What A Circus’, ‘The Rainbow Tour’ kif ukoll ‘Don’t Cry For Me Argentina’.

evitaPosterJPEG

Evita, jagħti l-ħajja lil karattru ferm dinamiku ta’ Eva Peron, fejn jibda bl-ambizzjoni tat-tfajla żagħżugħa, sakemm waslet fl-apiċe tal-karattru tagħha bħala l-mexxejja spiritwali tal-Arġentina. L-istorja tirrakkonta kif permezz tal-poter u r-rikkezzi li rnexxielha tikseb, irnexxielha ssir il-karattru tant magħruf u maħbub ta’ Evita.

Il-mużika tant famuża ta’ dan il-musical, b’mod speċjali ‘Don’t cry for me Argentina’ ħarġet fl-1976, fejn minnufiħ tant kisbet popolarità li laħqet il-quċċata tal-klassifika mużikali, kif ukoll rebħet diversi premijiet, fosthom id-diska tad-deheb. Il-musical iżżanżan nhar il-21 ta’ Ġunju 1978, fil-‘Prince Edward Theatre’ f’ Londra, b’ Eilen Paige fir-rwol prinċipali ta’ Evita, u Joss Ackland bħala Juan Peron. Aktar –il quddiem, wara perjodu ta’ preparamenti, Evita ġie ntrodott ukoll fi Broadway nhar il-25 ta’ Settembru 1979, fejn bla dubju ta’ xejn minnufiħ kiseb popolarità  kbira.

Il-musical rebaħ seba’ Tony Awards, fosthom għall-aqwa ktieb, l-aqwa mużika, u l-aqwa musical in ġenerali, filwaqt li fl-1981, l-album ta’ Evita rebaħ Grammy award.

Il-popolarità ta’ dan il-musical żdiedet ferm wara li l-istess musical ġie trasformat f’film fl-1996, b’kast t’artisti mill-iktar famużi bħal Madonna u Antonio Banderas.

Evita ġie mtella madwar id-dinja kollha. Din is-sena għall-ewwel darba f’Għawdex, se tkun qed tinżamm din il-produzzjoni ġewwa t-Teatru Astra. Wara l-esperjenza ta’ Grease fi Frar ta’ din s-sena, fit-Teatru Astra se jkunu qed jinżammu mill-ġdid auditions nhar it-3 ta’ Settembru, fejn fost l-oħrajn se jkunu qed jintlaqgħu applikazzjonijiet għar-rwoli ta’ Evita, Che, Juan Peron, Arturo Magaldi u l-Mistress. Il-musical Evita jirrikkjedi ukoll kast varjat immens, li jeħtieġ l-aqwa kantanti, żeffiena, u atturi ta’ etajiet u statura varjata.

It-Teatru Astra se jerġa jippreżenta lill-istess grupp kreattiv li tella’ l-musical Grease, ukoll bis-support ta’ Studio 18.  Is-surmast Sigmund Mifsud ser jkun id-direttur mużikali ta’ din il-produzzjoni.  Julie Zahra u Mariella Spiteri Cefai għal darb’oħra se jkunu qed jieħdu ħsieb il-kant, filwaqt li Chris Gatt u Jean-Marc Cafa’ huma responsabbli mid-direzzjoni artistika. Christabel Bajada hi l-koreografa tal-produzzjoni, din id-darba ispirata mill-istil Tango tant popolari fl-Amerika Latina.

Għal aktar informazzjoni żuru s-sit tas-Soċjeta’ Filarmonika La Stella lastella.com.mt, fejn wieħed jista jsib ukoll id-dettalji kollha rigward l-Auditions.

Il-booking ser jinfetaħ fil-gimgħat li ġejjin. Kuntatt mat-Teatru Astra jista jsir fuq [email protected].

For download:
Information Pack
Application