Join Us On:

News Archive

IT-TAGĦLIM TAL-MUŻIKA FIL-KAŻIN TAGĦNA

Waħda mill-aktar fergħat importanti tas-Soċjetà “La Stella”, hija dik tat-tagħlim ta’ l-allievi. Is-Soċjetà tqis din is-sezzjoni bħala waħda fundamentali, u dejjem tassigura li tingħata l-attenzjoni li hemm bżonn. Attwalment fil-banda tagħna nsibu numri kbir ta’ bandisti żgħażagħ u tfal, u dan żgur li jawgura tajjeb għall-futur. Iżda x-xogħol ma jieqafx hawn. Dawn iż-żgħażagħ għadhom sal-lum jattendu għal-lezzjonijiet ta’ kull ġimgħa fil-każin tagħna, biex ikomplu jipperfezzjonaw fuq l-istrument tagħhom. Barra minn hekk, hemm ukoll xi bandisti li qed jersqu għal eżamijiet ta’ kulleġġi ta’ mużika, barra minn Malta. Apparti dawn il-bandisti żgħażagħ, hemm numru kbir ta’ tfal li għadhom ma ħarġux idoqqu uffiċċjalment mal-banda u qed jattendu għal-lezzjonjiet regolari. L-iskola tal-mużika tas-soċjetà tagħna qed tilqa’ fiha numru sabih ta’ allievi, li kollha jattendu regolarment għal-lezzjonijiet ta’ kull ġimgħa. Żgur li dan in-numru sabiħ ta’ tfal iġiegħel lilna lkoll inħarsu lejn il-futur b’kuraġġ. Matul is-sena l-iskola tagħna tieħu ħsieb li torganizza kunċerti li fihom jieħdu sehem dawn iż-żgħażagħ. B’dan il-mod inkunu qed nimmotivaw u ninkoraġġixxu lil dawn l-allievi biex ikomplu jistudjaw u jipperfezzjonaw fuq l-istrument.

Minn din il-paġna nixtiequ ninkoraġġixxu lil dawk it-tfal u żgħażagħ kollha li qed jattendu għal-lezzjonijiet u li qed jieħdu l-istudju fuq l-istrument bl-akbar serjeta`. J’Alla ħaddieħor jieħu eżempju minn dawn iż-żgħażagħ. Nixtiequ nirringrazzjaw lill-ġenituri ta’ l-allievi ta’ l-appoġġ sħiħ li nsibu minn għandhom u ta’ l-interess li juru f’uliedhom. Minn hawn nirringrazzjaw ukoll lis-Surmast il-Prof. Joseph Vella u lill-membri kollha tal-kumitat li dejjem juru interess fix-xogħol li qed jitwettaq b’risq dawn it-tfal u żgħażagħ. Fuq kollox irridu nuru l-apprezzament tagħna lill-għalliema ta’ l-allievi tagħna li huma l-assistent surmast Mro Noel Beck, George Apap u Michel Refalo li qed jaħdmu bis-sħiħ biex is-sezzjoni ta’ l-allievi tkompli tikber u tissaħħaħ. Inħeġġu żgħażagħ oħra u tfal biex jibdew jattendu għal-lezzjonijiet li aħna nagħtu fil-każin tagħna. It-tagħlim isir mingħajr ebda ħlas u barra minn hekk nipprovdu strument għal dawk kollha li jkunu qed jitgħallmu. Il-ħlas tagħna jsir meta naraw lil dawn it-tfal jippromettu u jagħmlu unur kemm għalihom, kif ukoll għas-Soċjetà mużikali tagħna, Dawk li jixtiequ jibdew jitħarrġu fil-mużika mal-banda tagħna għandhom jikkuntattjaw lil xi membru tal-kumitat jew jibgħatu email fuq [email protected]