Join Us On:

News Archive

“ISPIRATI MILL-ĦLEWWA U T-TJUBIJA TA’ SAN ĠORĠ”

MESSAĠĠ MILL-PRESIDENT TAS-SOĊ. FILAR. LA STELLA: IS-SUR PAUL ZAMMIT

Għeżież parruċċani ta’ San Ġorġ u partitarji tas-Soċjetà La Stella,

 
F’dawn il-ġranet ta’ festi lill-Kbir Martri San Ġorġ aħna lkoll nifirħu… u għandna għax nifirħu!  F’San Ġorġ naraw dak iż-żagħżugħ qalbieni li għaraf kif għandu jgħix biex ikun ferħan f’ħajtu u konformi mat-twemmin li kien iħaddan.  Dan aħna lkoll nemmnuh, għad li forsi mhux il-ħin kollu jkun quddiem għajnejna.  Dan aħna lkoll ferħanin bih, għad li forsi m’aħniex il-ħin kollu konxji mill-verità tiegħu.
 
San Ġorġ dejjem seraq il-qlub tagħna Tal-Istilla u ta’ numru kbir ta’ popli minn kull parti tad-dinja, għall-karattru tant sod tiegħu fejn ħaddan il-verità u ddefendiha b’kull mezz li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu… anki sakemm xerred l-aħħar qatra demm tiegħu meta offra sal-istess ħajtu għal Dak li fih emmen.  San Ġorġ dejjem xegħel l-entużjażmu tagħna għall-qlubija tiegħu għax dejjem sejjaħ dak li hu abjad abjad u dak li hu iswed iswed… avolja minħabba f’hekk kellu jpatti b’ħajtu!  Il-verità hija tant qawwija u tagħtina tant saħħa!
 
Fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika La Stella l-fergħat kollha marbuta mal-festa ta’ San Ġorġ matul is-sena kollha tarahom ħerqanin iħejju l-qasam partikolari tagħhom biex f’dawn il-ġranet ta’ festa juruna frott għemilhom b’riżq il-festa.  Din hija l-ħeġġa li San Ġorġ isawwar ġo fina u fi ħdan in-nies tagħna!  San Ġorġ huwa dak li jispirana għal dan kollu, fejn ebda diffikultà mhi ser twaqqafna u fejn kull sagrifiċċju huwa aċċettat għax ispirat minn għanijiet nobbli.
 
F’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tal-Bażilika tagħna, aħna, ta’ kull sena, inħejju programm ta’ festi li juri esternament dak li aħna nkunu nemmnu internament is-sena kollha.  Għandu jkun hemm xebh assolut bejn dak li aħna niċċelebraw f’dawn il-ġranet u dak li aħna nemmnu u nagħmlu matul is-sena.  Għalhekk il-festi li niċċelebraw f’ġieħ il-Kbir Martri San Ġorġ għandhom jirriflettu wkoll ferħ u komprensjoni, fejn għandna niddevertu u fejn kulħadd għandu jħossu inkluż u ħadd ma jħossu eskluż.
 
San Ġorġ huwa Patrun ta’ Għawdex u tal-Belt Victoria.  Iva, għandna biex nifirħu f’dawn il-ġranet għax bil-figura ta’ San Ġorġ quddiem għajnejna żgur li aħna ispirati biex dak li nagħmlu jkun biss dak li hu sewwa.  Aħna xxurtjati ferm li għandna lil San Ġorġ bħala l-mudell għal ħajjitna.  Aħna midħla ħafna tal-ħajja kif għexha San Ġorġ, u li nagħmlu bħalu għandu jkun l-għan ewlieni tagħna kull meta, f’dawn il-ġranet, inkantaw ilkoll flimkien: “Ġorġi tagħna, min qatt bħalek! / Stilla tiddi kollha dija. / Qlubna ssaħħret bil-ġmiel tagħha; / dawlet, sebbħet l-art Għawdxija”.  Dawn il-versi, miktuba mill-pinna tal-kompajżan tagħna l-mibki Parti Akkursju Xerri ofm, iqajmulna ġisimna xewk xewk meta nkantawhom flimkien f’dawn il-ġranet.  Ebda sagrifiċċju mhu mitluf meta aħna lkoll, ispirati mill-kuraġġ u l-qlubija ta’ San Ġorġ, nagħmlu u niddefendu s-sewwa… anki akkost li jistgħu forsi wkoll jifhmuna u jinterpretawna ħażin.
 
Nixtieq nieħu din l-opportunità biex, f’ismi u f’isem is-Soċjetà Filarmonika La Stella rrodd ħajr lil kull min ħadem biex ikollna dawn il-festi tant sbieħ u sinifikanti.  Nirringrazzja wkoll lil kull min ikkontribwixxa, anki finanzjarjament, għal dan il-għan, u nistieden lil kull min iħoss xi ħaġa speċjali fil-figura ta’ San Ġorġ biex jiċċelebra magħna dawn il-prinċipji li San Ġorġ dejjem ipprattika u ddefenda b’kull mezz.
 
Nawgura lir-Rabtin kollha l-festi t-tajba u nistieden lil kull Rabti biex jingħaqad magħna f’dawn il-jiem ta’ festa.  Nistieden ukoll lill-partitarji tagħna Tal-Istilla biex dejjem, imma b’mod speċjali f’dawn il-jiem, juru kemm aħna lkoll ispirati mill-ħlewwa u t-tjubija ta’ San Ġorġ, u nitgħallmu nirrispettaw lil kulħadd, anki jekk inħossu li m’aħniex naqblu.  Dan għandu jkun l-isbaħ rigal li aħna lkoll nagħtu lilna nfusna u lil San Ġorġ f’dawn il-ġranet ta’ festa u, għalhekk, minn qalbi nirringrazzja lil San Ġorġ u ningħaqad magħkom ilkoll fl-għajta li ser inkunu qed intennu diversi drabi f’dawn il-ġranet: “Viva San Ġorġ!”.