Join Us On:

News Archive

ISIR IL-KUNĊERT TA’ MUŻIKA SAGRA

Kif kien imħabbar il-lejla nżamm il-kunċert ta’ mużika sagra fil-Bażilika ta’ San Ġorġ mill-Banda Ċittadina La Stella taħt id-direzzjoni tas-Surmast  Prof. Joseph Vella.

Is-siltiet magħżula kienu tal-ogħla livell u ġew eżekwiti b’mod impekkabbli mill-bandisti tagħna frott jiem ta’ tħejjija u preparazzjoni.

Il-pubbliku kien immexxi mill-kumitat amministrattiv, fosthom il-President is-Sur Pawlu Zammit, mill-Arċipriet Mons. Pawlu Cardona, minn Mons.  Ġużeppi Farrugia, direttur spiritwali tal-Soċjetà La Stella u minn bosta persuni distinti oħra fosthom l-Aġent President tar-Repubblika is-Sur Anton Tabone, is-Sindku tar-Rabat Dr Samuel Azzopardi, u xi kunsilliera.

Fl-istess okkażjoni il-President is-Sur Pawlu Zammit flimkien mas-Sur Michel Buttigieg, direttur tat-Teatru Astra ppreżentaw donazzjoni lill-Fundazzjoni Arka li kienet inġabret waqt il-Programm Annwali tal-2011.  Għall-Fundazzjoni Arka kien preżenti s-Sur Joe Camilleri f’isem Mons. Manwel Curmi li minħabba mpenji oħra ma setax jattendi.

Is-serata kienet ippreżentata minn Nutar Dr. Paul Pisani.

L-impenn li jmiss issa jkun fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, nhar il-Ġimgħa 6 ta’ April.  Minn jixtieq jakkwista ic-CD tal-Marċi Funebri l-ġdid jista’ jagħmel dan mill-Bar tal-Każin La Stella.