ISIR IL-FUNERAL TA’ ĠUŻEPPI FARRUGIA
Il-bieraħ kien jum ta’ luttu għas-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-bandiera tagħha ittellet mezzasta b’rispett lejn il-membru ħabrieki tagħha Ġużeppi Farrugia, li ħalla din id-dinja t-Tlieta 18 ta’ Diċembru 2012 fl-eta ta’ 70 sena.
Huwa doveruż li kull membru tas-Soċjetà jsellem il-memorja ta’ Ġużeppi, membru eżemplari tal-Kumitat tas-Soċjetà, li kif jaf kullħadd dejjem kien preżenti fis-servizzi tal-Banda u fl-attivitajiet kollha organizzati fil- u mill-Każin tagħna. Ma hemmx dubju li se tinħass bil-kbir l-assenza tiegħu.
Il-funeral ta’ Ġużeppi Farrugia sar il-bieraħ, l-Erbgħa 26 ta’ Diċembru 2012 fil-4.00pm fil-Bażilika ta’ San Ġorġ. Il-Kumitat Ġenerali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-Banda akkumpanjaw il-korteo funberi li beda fit-3.30pm minn Triq ir-Repubblika. Meta l-fdalijiet ta’ Ġużeppi waslu quddiem il-Teatru Astra l-korteo twaqqaf għal ftit ħin biex imbagħad kompla t-triq tiegħu lejn il-Bażilika li tant ħabb.
Hemmhekk inġabru l-familjari, qraba, partitarji, ex-kollegi tax-xogħol u bosta u bosta ħbieb. Il-Quddiesa tmexxiet minn Mons. Ġużeppi Farrugia assistit mill-Arċipriet ta’ San Ġorġ Mons. Pawlu Cardona u l-Arċipriet tal-Qala l-Kan. Joe Zammit, il-Kapitlu u diversi membri tal-Kleru.
Huwa dover tagħna li niftakru f’Ġużeppi fit-talb tagħna kif ukoll fil-familjari tiegħu ħalli l-Mulej jieqaf magħhom f’dan il-mument diffiċli.