Join Us On:

News Archive

IS-SURMAST VELLA F’RUMA

Matul il-jiem li għaddew is-surmast direttur tal-banda tagħna, il-Professur Joseph Vella, kien f’Ruma fejn ġie mistieden jattendi għat-33 edizzjoni tal-Premju Valentino Bucchi. F’din l-okkażjoni l-Professur Vella kien jifforma parti minn panel ta’ ġurija f’kompetizzjoni tal-Kompożizzjoni. 

Fl-ewwel laqgħa ta’ dan il-panel internazzjonali, Vella ġie magħżul bħala Chairman ta’ l-istess panel. Hu kellu  wkoll jaqra studju bit-tema "Messiaen: Musician and Theologian" waqt convegno li fih ħadu sehem ukoll erbatax-il studjuż ieħor mill-Italja u anke barra mill-Italja. Bħala chairman kellu r-responsabilita’ li jara x-xogħol li kien għaddej f’panels oħra, u fiċ-ċerimonja tal-premjazzjoni preżenta xi premijiet fil-preżenza tal-Ambaxxatur tal-Lussemburgu u tas-Sinjura Panella, l-organizzatur ta’ dan il-premju prestiġjuż. 

Dan huwa wieħed mill-bosta impenji li s-surmast Vella jkollu barra minn Malta. Illum, il-Professur Vella huwa kompożitur ta’ fama internazzjonali fejn mhux biss xogħlijiet tiegħu ndaqqu f’uħud mill-aqwa swali u teatri fl-Ewropa, imma anke ġie mistieden biex imexxi konferenzi u masterclasses b’rabta mal-kompożizzjoni.