Join Us On:

News Archive

IS-SURMAST VELLA F’LUCCA, L-ITALJA

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet f’għeluq il-150 sena mit-twelid tal-kompożitur Giacomo Puccini, il-Konservatorju Luigi Boccherini ta’ Lucca fl-Italja fost numru ta’ attivitajiet, organizza numru ta’ laqgħat ma’ kompożituri kontemporanji. Proprju ġimgħatejn ilu, eżattament nhar l-10 ta’ Ġunju, il-mistiedna speċali ta’ dan il-konservatorju kienu Teresa Procaccini mill-Italja u l-kompożitur Għawdxi, surmast direttur tal-banda tagħna Mro. Joseph Vella. Teresa Procaccini, għal aktar minn 15-il sena kienet il-Kap tad-dipartiment tal-kompożizzjoni fil-konservatorju ta’ Santa Ċeċilja f’Ruma. Kull kompożitur ġie mistieden jagħmel diskors ta’ madwar siegħa dwar l-irwol tal-kompożituri llum il-ġurnata u fuq il-kompożizzjonijiet li għamlu. Is-Surmast Vella tkellem fuq ix-xogħolijiet tiegħu f’Malta kif ukoll barra minn Malta u tul id-diskors tiegħu semma numru ta’ siltiet mużikali mill-pinna tiegħu li huma rrekordjati fuq CDs.

Għal din l-okkażjoni sar ukoll kunċert fl-Auditorium tal-Konservatorju Luigi Boccherini, fejn indaqqu xogħolijiet ta’ Beethoven (Quintet in Eb major op 16), Poulenc (Sextour) kif ukoll ta’ Teresa Procaccini (Sestetto op 140) u tas-Surmast Joseph Vella. Il-kompożizzjoni magħżula mill-pinna tas-surmast Vella kien ix-xogħol mill-isbaħ tiegħu li ndaqq għall-ewwel darba fiċ-Centro Marini Marini f’Pistoia fl-2006, “Riflessioni su un tema di Stravinsky” op 107, kompożizzjoni miktuba għal ‘wind quintet’ u pjanu.

Minn din il-paġna nixtiequ nifirħu lis-surmast tagħna, u nawgurawlu li fis-snin li ġejjin ikompli jagħmel isem għalih u għal pajjiżna, permezz tal-kompożizzjonijiet mużikali tiegħu.